Mill-2021 sal-lum, mindu nbidlet il-liġi relatata mal-kirjiet ta’ qabel l-1995, l-Awtorità tad-Djar diġà għenet 2,141 persuna biex setgħu jibqgħu jgħixu fir-residenza tagħhom, mingħajr ma jesperjenzaw xi żieda fil-piż finanzjarja.
Taħt l-iskema l-ġdida, li fl-2021 kienet bdiet b’400 familja li bbenefikaw, illum qed jintlaħqu mal-1,500 familja li qed igawdu mill-għajnuna.
F’konferenza oħra tal-aħbarijiet mis-sensiela ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, semma kif l-emendi fil-liġi tal-kera qed jagħtu l-frott, bil-Gvern jindirizza din l-isfida, li kienet qegħda tolqot numru sostanzjali ta’ inkwilini b’kera antika u għal diversi snin tħalliet taħt it-tapit.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, semma kif, sal-aħħar ta’ dan ix-xahar f’din is-sena biss, se jkunu nħarġu ftit inqas minn €7 miljun f’tali għajnuniet.
Minbarra hekk, bl-għajnuna legali bla ħlas li qiegħda toffri lill-istess inkwilini, fl-2023, l-Awtorità offriet mas-700 l-ewwel appuntament mal-avukati, li mbagħad jibqgħu jassistu lill-klijenti tul il-kors ġudizzjarju kollu. Din is-sena, l-ammont diġà tela’ għal 584 l-ewwel appuntament.
“Permezz ta’ din l-għajnuna, qegħdin naraw lill-familji li jgħixu f’dawn il-kirjiet jibqgħu ma jħallsux aktar minn 25% tad-dħul tagħhom. F’każi fejn hemm pensjonanti li, mill-profil, qegħdin naraw li ħafna minnhom huma pensjonanti, miżżewġin jew romol, iż-żieda kollha li ġiet issettjata mill-Qorti, tassorbiha kollha kemm hi l-Awtorità sa massimu ta’ €10,000.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Galdes qal li, b’din id-deċiżjoni mal-erba’ snin ilu, ġie żgurat li dawk l-inkwilini, li ma jlaħħqux maż-żidiet fil-kirjiet, ma jispiċċawx barra r-residenzi li twieldu fihom u kabbru l-familji tagħhom.
U waqt li l-Gvern għen il dawn il-familji biex jibqgħu jgħixu fir-residenzi, is-sidien ukoll bdew jirċievu dak li kien dovut lilhom, skont id-deċiżjoni tal-Bord tal-Kera, u b’hekk instab bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u d-drittijiet tal-inkwilini.
Il-Ministru semma kif ħaddieħor ħalla dan il-ballun f’idejn il-qrati, b’ħafna anzjani li setgħu jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
“Ilħaqna dan il-bilanċ, minkejja wkoll li kellna diversi sfidi legali anke kostituzzjonalment, u anke fil-Qrati Ewropej. Il-Qrati Ewropej qalu wkoll li din il-liġi laħqet il-bilanċ meħtieġ, għax il-Gvern kien għaqli biżżejjed li r-riforma kienet waħda li tagħmel sens ukoll għal pajjiżna.”