Fil-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, bosta Maltin u turisti għażlu li jqattgħu dawn il-festi fil-gżira Għawdxija. Skont ċifri tal-kumpanija Gozo Channel, li ra ONE News, f’dan il-perjodu festiv ta’ bejn l-20 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar żaru l-gżira Għawdxija aktar minn mitejn u ħdax-il elf persuna.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li, fuq perjodu ta’ sena, kien hemm żieda ta’ kważi għaxart elef persuna, meta mqabbel mal-perjodu tal-festi s-sena l-oħra, li tfisser żieda ta’ kważi ħamsa fil-mija.
L-aktar ġurnata bieżla għall-vapur ta’ Għawdex jirriżulta li kienet nhar is-Sibt 30 ta’ Diċembru, hekk kif qasmu l-fliegu aktar minn ħamsa u għoxrin elf persuna. Dan filwaqt li fil-jumejn fuq il-Milied qasmu aktar minn tlieta u għoxrin elf passiġġier, fil-jumejn imsemmija.
F’dan il-perjodu ta’ tnax-il jum, kważi mija u tmint elef persuna telqu miċ-Ċirkewwa, waqt li kważi mija u erbat elef persuna telqu mill-Port tal-Imġarr.
ONE News tkellem ma’ Joe Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, l-GTA, li rreaġġixxa b’mod pożittiv dwar dawn in-numri lejn il-gżira Għawdxija.
Qal, “Għawdex kellna numru sabiħ ta’ viżitaturi, kemm Maltin u barranin. L-istabbilimenti tagħna, b’mod speċjali tal-akkomadazzjoni, qalulna matul il-ġranet ta’ qabel dan il-perjodu li kellhom diversi rikjesti għall-bookings għal dan il-perjodu u jidher li l-akkomodazzjoni kienet imħabbta ferm bin-numru ta’ viżitaturi li kellna fil-gżira Għawdxija. Ovvjament kellna stabbilimenti oħrajn tal-catering, bħalma huma r-restoranti li wkoll irrapportaw li kellhom ġranet tal-aħħar tas-sena li kienu movimentati.”
Muscat qal magħna wkoll li n-numri ta’ passiġġieri lejn il-gżira tat-Tliet Għoljiet jaqbżu dawk ta’ qabel il-pandemija.
Qal, “Ara mill-indikazzjonijiet li għandna u minn survey li għamilna fiż-żmien tal-festi, kellna reazzjonijiet imħallta. Però r-reazzjonijiet kienu pożittivi ferm fis-sens li wħud minn dawk li wieġbu qalulna li kellhom xogħol bħalma kellhom is-sena l-oħra, filwaqt li kellna oħrajn li qalulna li l-istabbilimenti tagħhom ħadmu aktar mis-sena l-oħra u kellna wkoll oħrajn li qalulna li ssuperaw is-snin ta’ qabel il-pandemija.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu tenna li dawn in-numri sbieħ lejn Għawdex fil-perjodu ta’ festi jikkumplimenta l-attivitajiet festivi li kien hemm, fosthom ‘Betlehem f’Għajnsielem’ u l-attività li laqgħet il-bidu tas-sena l-ġdida fit-Tokk, fir-Rabat, Għawdex.
Qal, “Huwa kalendarju li ovvjament ikompli jsaħħaħ il-gżira Għawdxija bħala destinazzjoni, gżira tal-Milied.”