Skont ċifri maħruġa mill-kumpanija Gozo Channel, 211,071 persuna u 56,528 vettura qasmu l-fliegu matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija.
Il-kumpanija Gozo Channel operat xejn inqas minn 742 vjaġġ bejn il-gżejjer, liema vjaġġi kienu qed jiġu operati mingħajr skeda biex il-kumpanija tlaħħaq mad-domanda ta’ kull min għażel lil Għawdex biex iqatta’ fiha l-btajjel tas-sajf.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet b’sodisfazzjon dawn iċ-ċifri u rrimarkat li kkumparat mas-sena l-oħra, il-kumpanija Gozo Channel esperjenzat żieda fin-numru ta’ passiġġieri u vetturi li qasmu lejn Għawdex. Fil-fatt, in-numru ta’ passiġġiera żdied b’4% filwaqt li n-numru ta’ vetturi żdied b’6%. Il-Ministru Caruana rringrazzjat lill-management u l-ħaddiema tal-Gozo Channel li ħadmu bla heda biex jakkomodaw lil dawk kollha li żaru lil Għawdex matul dawn il-jiem.
Il-Ministru Caruana qalet li l-Ministeru hu impenjat biex Għawdex ikun verament attrazzjoni turistika unika u dan bl-għadd ta’ avvenimenti kulturali li qed toffri din il-gżira, liema avvenimenti qed jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Justyne Caruana qalet li għall-wirja tal-biedja u s-snajja’, jew kif inhi magħrufa aħjar, il-Wirja ta’ Santa Marija, hu stmat li attendaw ’il fuq minn 13,000 persuna. Il-Ministru Caruana stqarret li l-miżura li ħa l-Ministeru biex il-wirja tkun miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas ħalliet impatt pożittiv.
Il-Ministeru ghal Għawdex għaddej b’ħidma bla waqfien u investiment bla preċedent fil-prodott turistiku u kulturali Għawdxi. Din hija parti mill-viżjoni tal-Ministeru għal Għawdex li qed titwettaq b’ritmu mgħaġġel. Is-suċċess u r-riżultati jitkellmu waħidhom u rridu nkomplu fit-triq u r-ritmu li qbadna qalet il-Ministru Caruana. Hija rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-Ministeru, il-forzi tal-ordni, l-entitajiet u l-operaturi privati kollha f’Għawdex li ħadmu id f’id mal-Ministeru għal Għawdex biex kellna ġimgħa ta’ suċċessi u mingħajr inċidenti.
Joe Muscat, CEO tal-Gozo Tourism Association, qal li din il-ġimgħa hi kkunsidrata minn bosta bħala l-aħjar ġimgħa tas-sena għat-turiżmu iżda minn stħarriġ li tagħmel l-assoċjazjoni jirriżulta li Għawdex sar destinazjoni mfittxija matul is-sena kolla. Muscat saħaq li hu ottimist li Għawdex tkompli tattira lejha aktar turiżmu u dan frott tal-ħidma li qed issir mill-Ministeru għal Għawdex.