L-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet aktar minn mitejn proposta b’rabta mal-konsultazzjoni pubblika li għaddejja dwar l-ispazji miftuħa.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega li dawn il-proposti daħlu minn għaqdiet non-governattivi bħar-Ramblers Association, Touring Club Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Campers Maltin.
Kompla jispjega li bħalissa għaddejjin diversi laqgħat mal-familji u għadd ta’ organizzazzjonijiet fuq il-post bil-għan li jinħolqu żoni rikreattivi ġodda u jitjiebu dawk li diġà jeżistu.
Fil-fatt, se jitranġaw diversi passaġġi u mogħdijiet f’siti eżistenti.
Huwa qal, “B’intervent żgħir verament dawn il-postijiet jistgħu jitranġaw biex jerġgħu jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Ministru tenna li ż-żoni rikreattivi huma dawk li jagħmlu l-komunitajiet tagħna abitabbli, li jipprovdu ambjent aħjar u jikkontribwixxu lejn kwalità ta’ ħajja aħjar.