Terremot qawwi li kejjel sebgħa punt wieħed fuq l-iskala Richter, heżżeż liċ-ċentru tal-Messiku.
Terremot li mhux biss ħasad il-ħajja ta’ aktar minn 200 persuna, iżda ġarraf ukoll għexieren ta’ binjiet fil-kapitali, Mexico City.
Waħda minnhom hija skola, bil-President tal-Messiku jgħid li t-tiġrif ta’ din il-binja ħalla għoxrin tifel u tifla bla ħajja, u għexieren oħra għadhom maqbuda taħt it-tifrik.
Dan it-terremot seħħ tnejn u tletin sena wara li terremot ieħor kien ħalla eluf mejta f’Mexico City.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Messiku ntlaqgħat minn terremot ieħor b’qawwa ta’ tmienja punt wieħed fuq l-iskala Richter, li ħalla mill-inqas disgħin persuna mejta.