Is-sena l-oħra, li kienet rekord ieħor għall-qasam turistiku f’pajjiżna, rat aktar minn żewġ miljuni u ħames mitt elf persuna jqattgħu ljieli fil-lukandi u l-istabbilimenti oħrajn ta’ akkomodazzjoni li għandna.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li wera kif din iċ-ċifra għall-2024 ukoll tfisser żieda fuq is-sena ta’ qabel.
Dan hekk kif id-differenza mis-sena l-oħra għall-2023 hi ta’ kważi 300,000 persuna iżjed.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ li, is-sena l-oħra, kien hemm żieda ta’ aktar minn miljun u erba’ mitt elf lejl, meta mqabbel ma’ sena qabel. Dan meta l-ammont ta’ ljieli kienu jgħoddu għal aktar minn ħdax-il miljun lejl.
Dawn iċ-ċifri jkomplu ma’ dawk maħruġa aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Eurostat, fejn Malta rreġistrat l-akbar żieda fl-Unjoni Ewropea għall-iljieli mit-turisti fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra.