Bejn Jannar u Novembru tal-2017 l-ammont ta’ turisti f’pajjiżna qabeż iż-2.2 miljun u żdied b’aktar minn 300,000 (+16.5%), filwaqt li l-ammont ta’ ljieli mqatta’ f’pajjiżna qabeż il-15.7 miljuni. Din hija żieda ta’ 1.4 miljiun, sena b’sena (+10%). Total ta’ €1.87 biljun kienu ġġenerati għal dan il-perjodu, li tfisser żieda ta’ 200,000 miljun f’temp ta’ 11-il xahar.
Ċifri ppublikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika għall-ħdax-il xahar tas-sena li għaddiet jindikaw li żidiet kienu rreġistrati fost l-ammont ta’ turisti li żaru Malta (17.1%), fl-ammont ta’ iljieli li qattgħu hawn Malta (7.1%) u n-nefqa totali (18.3%), meta mqabbel mal-istess xahar tal-2016. Turisti għamlu l-ikbar ammont ta’ iljieli (66.9%) fi stabilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva. L-ammont totali ta’ kemm nefqu bejn Jannar u Novembru tal-2017 kważi laħħaq l-€1.9 biljun (+13.5%).
Hu u jikkummenta dwar dawn ir-riżultati pożittivi, is-Sur Paul Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-MTA, qal li huwa ċar li d-diversi inizjattivi li qed tieħu l-Awtorità qed iħallu r-riżultati mixtieqa. Dan huwa partikolarment minnu meta wieħed iqis l-isfidi li kien jaffaċja pajjiżna preċedentement, bħal dawk relatati mal-istaġjonalità u t-taħlita demografika. Malta qed tkun promossa bħala destinazzjoni ideali għas-sena sħiħa, mimlija attrazzjonijiet partikolari, b’emfasi fuq it-temp sabiħ, l-attivitajiet li wieħed jista’ jagħmel mal-kosta, il-komunità lokali, kultura diversifikata u snin ta’ storja affaxxinanti. Is-Sur Bugeja emfasizza l-importanza li l-istakeholders kollha jieħdu ħsieb is-suċċess tal-preżent, biex b’hekk jiżguraw li jkunu jistgħu jgawdu minnu ġenerazzjonijiet fil-ġejjieni.
Il-Ministru responsabbli mit-Turiżmu, Dr Konrad Mizzi, qal li dawn il-kisbiet huma riżultat ta’ viżjoni olistika li kienet possibbli grazzi għal kontinwità politika, relazzjonijiet tajba inter-ekonomiċi u r-rieda li jintużaw il-vantaġġi kollha ta’ ekonomija mibnija fuq sisien sodi. Ikkonkluda billi qal li l-brand image attwali ta’ Malta hija b’saħħitha u hija konferma ċara li d-daqs ta’ Malta u r-riżorsi limitati m’għandhomx ifixklu s-suċċess.