Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, elenka kif dak li ngħad fuq il-mezzi soċjali mis-Sindku Nazzjonalista ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea, dwar it-toroq f’din l-istess lokalità hu totalment skorrett u bla bażi.
Waqt il-programm ‘Bil-Fatti’ fuq ONE, it-Tnejn filgħaxija, ġie nnotat kif l-eks Ministru ta’ żmien GonziPN gideb meta qal li l-Gvern ma żammx mal-wegħda tiegħu li jinbnew mill-ġdid 15,000 metru kwadru ta’ toroq f’San Pawl il-Baħar fuq perjodu ta’ tliet snin.
Iżjed minn hekk, Galea wkoll tefa’ r-responsabbiltà fuq il-Gvern għal toroq, li wkoll jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill immexxi minnu.
“Lil hinn mill-battibekki li jista’ jkun hemm ma’ Ċensu Galea, in-nies jiġu l-ewwel u ma nistgħux inħallu dan il-kunsill lokali xellerat li ma jridx jaħdem, li juża skuża bħal dik, biex ir-residenti jgħixu ħażin purament biex jiskorja xi punti mal-Gvern – din mhux se naċċettawha qatt aħna.”
Il-Ministru Chris Bonett
Hu semma kif f’San Pawl il-Baħar il-Gvern, permezz ta’ Infrastructure Malta, bena mill-ġdid 16-il triq fl-aħħar tliet snin, b’investiment totali ta’ €10.7 miljun.
Aktar minn hekk, il-Ministru rrimarka kif qed isiru żewġ investimenti mill-Gvern li jaqbżu s-somma ta’ €23 miljun, filwaqt li rrakkomanda lis-Sindku biex jaħdem id f’id mal-Gvern, flok jibqa’ għaddej bil-mod partiġġjan tiegħu. U dan għall-ġid tar-residenti tal-lokal.
“Apparti t-toroq, ma semmejtx li qed isir xogħol infrastrutturali permezz tal-Pjazza ta’ Buġibba, b’Infrastructure Malta, għall-valur ta’ aktar minn €10 miljun, u aħna għadna kemm wasalna biex inlestu l-breakwater u l-ferry landing il-ġdid, li swew €13-il miljun, li bihom se nerġgħu nagħtu l-ħajja lil Buġibba u se nerġgħu nġibu t-turisti lejn Buġibba, u anke l-Maltin li se jkunu jistgħu jivvjaġġaw bil-baħar, jiġifieri l-Gvern f’dawn it-tliet snin se jkun nefaq madwar €35 miljun fuq San Pawl il-Baħar. Jiġifieri lil Ċensu Galea ngħidulu tibqax titmejjel bin-nies, xammar il-kmiem u aħdem, jekk inti Sindku serju.”
Il-Ministru Chris Bonett