Mija, wieħed u ħamsin persuna qegħdin ikunu rrapurtati li tilfu ħajjithom filwaqt li tnejn u tmenin oħra ndarbu wara li nqabdu f’rassa kbira, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Halloween fil-Korea t’Isfel.
L-inċident seħħ f’mekka tad-divertiment ta’ Itaweon, fil-kapitali Seoul.
Rapporti qalu li l-maġġoranza ta’ dawk li tilfu ħajjithom kienu żgħażagħ li kienu qed jiddevertu hemmhekk, filwaqt li dsatax minnhom kienu ta’ nazzjonalità barranija.
S’issa għadu mhux magħruf x’wassal biex tgħaffġu u ndarbu n-nies f’dan l-inċident. Madanakollu, il-President tal-Korea t’Isfel, Yoon Suk-yeol kellu laqgħa b’urġenza fejn ordna li ssir investigazzjoni minn tim speċjalizzat li jinvestiga x’wassal għal dan l-inċident sfortunat.
Din kienet l-ewwel darba li l-festa ta’ Halloween ġiet iċċelebrata mingħajr restrizzjonijiet mabuta mal-pandemija.