Fl-ewwel xahar li bdiet tintuża l-magna l-ġdida tal-MRIs f’Għawdex, saru aktar minn mija u ħamsin MRI.
Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Kif kien imwiegħed, issa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hu attrezzat ukoll b’MRI, apparat tal-ogħla kwalità u mill-iżjed importanti għal testijiet li jkunu jeħtieġu diversi pazjenti.
Dan ifisser li issa l-Għawdxin mhux qed jaqsmu iżjed il-fliegu biex jagħmlu dan it-test fl-Isptar Mater Dei.
Din l-aħbar kienet intlaqgħet minn bosta Għawdxin, li fissru dan il-pass bħala wieħed ferm pożittiv għal dawk li issa m’għandhomx aktar bżonn li jagħmlu t-test f’Malta.
Dan l-investiment seta’ jsir wara li, f’Settembru tas-sena l-oħra, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, dakinhar Ministru għas-Saħħa, ħareġ it-tender għal din il-magna.
Ċifri, li kien żvela dan l-istazzjon, juru kif madwar 3,000 Għawdxi fis-sena jkollhom jagħmlu MRI f’Malta u għalhekk issa dawn se jibdew jagħmluh f’Għawdex stess.