Ir-regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2019 – 2020 ġew ippubblikati fuq il-websajt tal-Arċidjoċesi ta’ Malta http://www.knisja.mt
B’kollox ser ikun hemm 1,457 post vakanti għall-istudenti. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru onlajn jew f’xi wħud mill-iskejjel tal-Knisja kif indikat fir-regolamenti. L-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju jsiru f’Novembru 2018, l-applikanti l-oħra f’Jannar u Frar 2019.
L-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju jinkludu tfal li huma fi djar tal-Knisja, tfal tal-impjegati, aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom u tfal li qegħdin fi skejjel tal-Knisja bla kontinwità. Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja.
Lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji huma mniżżla fir-regolamenti li jinsabu onlajn. Minn din is-sena qed jitwessa’ l-kriterju tat-tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja u tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, biex jilħaq it-tfal subien u bniet ta’ dawn l-impjegati.
Dan ifisser li tfal li ma jistgħux jattendu l-istess skola tal-ġenituri issa jistgħu japplikaw għal skola oħra tal-Knisja. Ser jiġu allokati wkoll numru ta’ postijiet lil tfal ikkunsidrati bħala każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi.
Il-każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew ser ikollhom bżonn l-għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal refuġjati. Il-każijiet serji jsegwu proċess parallel għall-applikazzjonijiet l-oħra. In-numru ta’ postijiet vakanti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2019 – 2020 huwa kif ġej:
Għas-sena skolastika li għadha kif bdiet (2018 – 2019), fl-iskejjel tal-Knisja applikaw 3,676 student li minnhom ġew milqugħa 1,680 fid-diversi livelli.
Għal darb’oħra, it-talba kienet aktar mid-doppju tal-postijiet disponibbli fl-iskejjel tal-Knisja.