Aktar minn 1,300 migrant kienu salvati fi tlettax-il missjoni separata li seħħet ilbieraħ fil-Mediterran.
Dan fisser li kienu aktar minn elfejn u sitt mija, n-numru ta’ persuni li ġew mgħejjuna fl-aħħar tlett ijiem.
Elf u tliet mitt immigrant ieħor kienu salvati nhar l-Erbgħa li għadda.
Il-vjaġġ mil-Libja għall-Italja billi jaqsmu l-Mediterran huwa fil-mument ir-rotta prinċipali tal-immigranti għall-Ewropa.
Is-sena li għaddiet, kienu rekord ta’ mija, wieħed u tmenin elf immigrant li għamlu dan il-vjaġġ, ħafna minnhom fuq dgħajjes immexxija mit-traffikanti tal-bnedmin.
Aktar minn ħamest elef persuna huma maħsuba li mietu meta ppruvaw jaqsmu s-sena li għaddiet.
Intant, fl-aħħar serje ta’ miżuri li tħabbru biex l-Unjoni Ewropea twaqqaf l-immigranti milli jaslu fl-Ewropa, l-Italja ħabbret fond ġdid biex jgħin pajjiżi Afrikani jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom.