Aktar minn 130 persuna ġew nominati għal premijiet fl-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ġie spjegat li għal dawn in-nominazzjonijiet saret evalwazzjoni minn bord indipendenti ta’ esperti skont il-kriterji stabbiliti f’kull waħda mill-għaxar kategoriji li se jiġu ppremjati.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando spjega wkoll kif l-għoti ta’ premijiet nazzjonali fis-suġġetti STEM, se tixxandar b’mod dirett minn Villa Bighi fid-9 ta’ Lulju 2021.
Tenna wkoll li dawn il-premijiet se jibdew jingħataw kull sentejn: “Qed jinħolqu ħafna opportunitajiet f’dan is-settur u iktar kemm jgħaddi żmien huwa ħaġa aċċettata li iktar ħa jinħolqu impjiegi allura huwa importanti li wliedna jkunu f’pożizzjoni li jaħtfu l-opportunitajiet li se jiġu għad-dispożizzjoni tagħhom.”
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici wera sodisfazzjon għas-suċċess li qed jiksbu ħafna Maltin f’dawn l-oqsma.
Huwa qal, “Fil-qofol tar-riċerka u l-innovazzjoni hemm is-suġġetti STEM. Ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġenerija u l-Matematika. Aħna rridu nippremjaw dawk li jaqbdu dawn is-suġġetti u jutilizzawhom fil-ħajja ta’ kuljum u jagħmlu ħajja aħjar bis-saħħa tagħhom fil-qasam tax-xogħol, fil-qasam tal-edukazzjoni u fil-komunitajiet tagħna.”