Wasteserv ipproċessat u poġġiet fuq is-suq 3,000 tunnellata ta’ ħġieġ, li hu ekwivalenti għal aktar minn 13-il miljun flixkun tal-ħġieġ.
Din hija l-ewwel darba li materjal ta’ kwalità daqshekk għolja qed jiġi offrut, wara li f’Ġunju li għadda ġiet installata linja ġdida awtomatizzata għall-ħġieġ, b’investiment ta’ €2.5 miljun.
Permezz ta’ dan il-proċess, WasteServ qed tiżgura li dan il-materjal, li jista’ jiġi riċiklat b’mod infinit, jingħata ħajja ġdida biex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq l-ambjentali u tiġi konservata l-materja prima.
Din il-linja awtomatizzata għall-ħġieġ, tipproduċi ħġieġ li huwa ‘furnace-ready’ li jfisser li m’hemmx bżonn tal-ebda pproċessar addizzjonali mill-manifatturi. Dan jippermetti li l-ħġieġ jista’ jiġi integrat mill-ewwel fil-katina tal-produzzjoni biex jinħolqu fliexken u vażetti minn ħġieġ riċiklat.
Dan l-investiment huwa parti mill-istrateġija kontinwa ta’ WasteServ biex timmodernizza l-infrastruttura tagħha u tittrasforma l-iskart f’riżorsa.
Ftit ġimgħat ilu, ġie installat pasteuriser ġdid biex materjal li jibqa’ fl-aħħar tal-proċess tal-iskart organiku jinbidel f’kompost ta’ grad agrikolu. Barra minn hekk, WasteServ qed taħdem biex timmassimizza l-użu tal-miżbliet eżistenti biex tiġi ppreservata l-art agrikola.
Dwar dan il-Ministru għall-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca sostnew li dan l-investiment hu parti mill-impenn ta’ pajjiżna biex jilħaq il-miri ambjentali u dawk ta’ riċiklaġġ.