Din il-ġimgħa mmarkat il-bidu tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ SkolaSajf. Matul is-snin qed jiżdiedu r-reġistrazzjonijiet li jsiru għal studenti biex jattendu għal SkolaSajf, tant li din is-sena kien hemm aktar minn 12,000 reġistrazzjoni.
Is-servizz jingħata f’55 ċentru mifruxin mal-pajjiż, fosthom 5 f’Għawdex. Huwa servizz li jingħata minn madwar 2,210 persuna mqassmin f’dawn iċ-ċentri, bi 12-il koordinatur reġjonali u 60 koordinatur fiċ-ċentri. Hemm 71 sħab soċjali li jipparteċipaw fi SkolaSajf b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li ġejjin minn entitajiet governattivi, s-settur privat kif ukoll Għaqdiet mhux Governattivi.
Bħal kull sena, SkolaSajf għandha tema li tirrifletti dak li jkun għaddej madwarna, li tiġi żviluppata permezz ta’ attivitajiet varji li jipparteċipaw fihom l-istudenti. Din is-sena qed tingħata ħarsa lejn il-paċi bit-tema ‘Peace by Piece’ u tħeġġeġ is-sehem ta’ kulħadd biex tiżdied il-paċi li hija tant meħtieġa minn kulħadd.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għargħur.
“SkolaSajf huwa servizz li qed joffri edukazzjoni b’mod divers mit-tagħlim li l-istudenti jieħdu matul il-ħin tal-iskola. Huwa servizz li mhux biss qed joffri edukazzjoni, imma huwa parti mill-viżjoni u l-ħidma tagħna biex is-sistema edukattiva tirrifletti r-realtajiet tas-soċjetà li qed ngħixu fiha. Aħna konxji mill-bżonnijiet u r-realtajiet tas-soċjetà u għalhekk qed inkomplu naħdmu biex intejbu dawk is-servizzi li noffru biex dawn jirriflettu proprju dawn il-ħtiġijiet.”
Ministru Clifton Grima