Matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju, aktar minn tnax-il elf familja Għawdxija rċievew water saving kits bħala parti mill-kampanja nazzjonali, L-Ilma – Ibda Minnek.
Din il-kampanja se tkompli tikber hekk kif il-mobile unit se jkun f’attivitajiet organizzati f’Għawdex, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministri Clint Camilleri u Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-Ministru għas-Sostennibiltà Miriam Dalli qalet kif bidliet żgħar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum qed iwassal biex isiru bidliet konsiderevoli.
Il-Ministru Dalli spjegat, “Iktar u iktar meta tqies li mill-kalkolu li għamilna, għandek familja ta’ erba’ min-nies li b’dan il-kit tista’ tiffranka sa 40,000 litru tal-ilma. Jiġifieri komplessivament ara kemm permezz ta’ din il-kampanja se nkunu qegħin niffrankaw mill-konsum tal-ilma. L-ilma li huwa riżorsa tant importanti għal pajjiżna.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri faħħar il-ħidma ta’ din il-kampanja għall-konservazzjoni tal-ilma li daret il-lokalitajiet madwar Għawdex.
Camilleri rrimarka, “Kull familja setgħet tiġbor il-kit tagħha sabiex fl-aħħar mill-aħħar nibdew mid-djar tagħna stess, li nibdew ukoll nagħmlu użu aħjar, użu inqas fl-aħħar mill-aħħar tal-ilma, li hija riżorsa importanti għal pajjiżna u kif ukoll għal Għawdex tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għal Fondi Ewropew Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif din il-kampanja qed issir b’investiment ta’ €24.4 miljun li parti sostanzjali minnhom ġejjin minn Fondi Ewropej.
Zrinzo Azzopardi stqarr, “Fil-kampanja Water – be the change investejna mhux anqas minn €21 miljun minn Fondi Ewropej biex inkomplu nsostnu l-edukazzjoni, kif ukoll l-għarfien dwar kif għandna nnaqsu l-konsum tal-ilma.”