Aktar minn mitt elf persuna żaru l-villaġġ tal-Milied fil-Park Nazzjonali tas-Salini.
Dan il-park mill-isbaħ ġie mibdul f’villaġġ festiv bil-għan li jqarreb lin-nies lejn l-ambjent filwaqt li jferraħ lill-viżitaturi f’atmosfera ta’ Milied mill-isbaħ.
It-tieni edizzjoni ta’ ‘Christmas in the Park’ attirat lejha diversi viżitaturi, Maltin u barranin, li gawdew minn atmosfera tal-Milied filwaqt li setgħu josservaw u jixtru prodotti sostenibbli, magħmula minn materjal riċiklat.
It-tfal kellhom l-opportunità li jagħmlu krafts filwaqt li jżuru stands b’informazzjoni marbuta mal-ambjent.
Din l-inizjattiva, qed issir grazzi għall-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, li bidel dan il-park f’ambjent maġiku tal-Milied, f’armonija man-natura.
Akkumpanjati minn kantanti u bands lokali, min żar il-villaġġ tal-Milied kellu l-opportunità li jimxi fl-Enchanted Forest, b’diversi effetti tad-dwal, karattri u strutturi b’tema ambjentali.
It-tfal iltaqgħu ma’ Santa Klaws u aktar karattri tal-Milied bħal Rudolph u Frosty the Snowman. Il-villaġġ tal-Milied kien miftuħ fuq medda ta’ għaxart ijiem, bis-sehem ta’ diversi entitajiet fi ħdan il-ministeru.
Min-naħa tagħha, l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerpija u l-Intrapriża, Miriam Dalli spjegat li familji kollha rridu jgawdu l-ispazji miftuħa u għalhekk qed taħdem biex l-ispazji miftuħa jkunu aktar aċċessibbli.
Il-Ministru qalet li attivitajiet bħal dawn jattiraw in-nies lejhom filwaqt li jservu bħala esperjenza edukattiva.
Il-Ministru Dalli fakkret kif il-ministeru jorganizza sensiela ta’ attivitajiet bi dħul bla ħlas magħrufa bħala Wirt in-Natura f’diversi spazji miftuħa matul is-sena. Dawn l-attivitajiet se jkomplu anke fis-sena li ġejja.
Il-ministeru rringrazzja lil dawk kollha li attendew għal din l-attività.