Madwar 1,571 tarbija ma jafux in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-ġenituri tagħhom.Filfatt, dan kien il-każ għal wieħed minn kull ħames trabi li twieldu fl-2016.
Dan in-numru ta’ trabi juri li kien hemm żieda fin-numru ta’ tfal li ma jafux in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-ġenituri. Filfatt, fl-ewwel ftit ġimgħat ta’ din is-sena 265 tarbija minn numru ta’ trabi li twieldu propju għandhom ġenitur li n-nazzjonalità tiegħu mhux magħrufa.
Il-figuri li poġġa fuq il-mejda tal-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi juru li minkejja li n-numru ta’ dawn il-każijiet żdiedu, l-istorja hija differenti f’Għawdex. Hekk kif l-unika tarbija li twieldet u li n-nazzjonalità ta’ ġenitur minnhom mhux magħrufa wara għaxar snin, twieldet propju fl-aħħar ġimgħat.
Dawn il-figuri ngħataw fi tweġiba Parlamentari għall-mistoqsija tal-membru parlamentari Chris Said. Figuri li juru ukoll li madwar 2,447 tarbija kellhom ukoll ġenitur wieħed ta’ nazzjonalità barranija.
130 omm is-sena l-oħra kienu żgħażagħ filwaqt li 77 minnhom kellhom aktar minn 45 sena.
Id-destin ta’ 14-il tarbija kien wieħed negattiv hekk kif dawn il-figuri juru ukoll li dawn it-trabi kellhom omm li kienet qed tabbuża mid-droga matul it-tqala.