Aktar minn elf persuna ġew salvati mid-diżastru li qed iħalli warajh l-urugan Harvey fl-Istat ta’ Texas fl-Istati Uniti.
Dan fl-istess waqt li ħames persuni kienu kkonfermati mejta.
Il-Gvernatur ta’ Texas Greg Abbott, wissa li l-ikbar inkwiet tiegħu b’rabta mal-għargħar kbir li qed jiddomina l-istat, huwa li dan ikompli jeskala.
Dan hekk kif l-urugan Harvey wasal f’Texas b’irwiefen qawwija li jlaħħqu l-mitejn u ħmistax –il kilometru fis-siegħa; b’konsegwenzi koroh fuq iż-żoni ta’ mal-kosta.
L-isforzi ta’ salvataġġ li qed isiru qed ikunu mxekkla bl-irwiefen qawwija, u eluf ta’ djar jinsabu bla dawl.
Il-maltempata qed tkun meqjusa bħala l-agħar waħda f’Texas fl-aħħar tnax –il sena, u mistennija tara mal-metru ta’ xita.