L-ispirtu tal-ambjent Malti jinħass sew hekk kif tirfes fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta fejn bħalissa għaddejja wirja tal-arti l-ġmiel tagħha bl-isem ‘Mawra Mlewwna. ‘
Din il-wirja tikkonsistni f’iktar minn mitt minjatura u pittura li kollha ġew impittra minn artisi wieħed, Paul Galea.
Paul li għandu ħamsa u sebgħin sena tkellem ma’ ONE News waqt żjara li għamilna f’dan ir-razzett. Huwa qal li b’kollox għandu iktar minn elfejn pittura u spjega ftit l-ideat tiegħu wara dawn il-pitturi l-ġmiel tagħhom.
Qal, “Semmejtha ‘Mawra Mlewwna’ u fiha ridt naqbad dawk il-postijiet f’Malta li ma tantx ngħatu kashom. Ngħaddu minn quddiemhom u kuljum umbgħad ikunu komuni għalina. Imma meta tarahom f’dawl differenti tgħid kemm hi sabiħa din.”
Paul tenna kif minn meta kien żgħir, l-arti dejjem kienet ġo fih u l-imħabba lejn it-tpinġija ma’ naqset qatt. Irrimarka li minn dakinhar li beda jħarbex xi tpenġija ‘l hemm u ‘l hawn, qatt ma ħares lura.
Spjega, “Meta trabbejt kont għadni żgħir kont noqgħod f’ambjent f’tarf ir-Rabat. Quddiemna u warajna ma kellna xejn bini u għelieqi. Illum il-ġurnata sfortunatament inbena kollox imma dak iż-żmien kont nitla’ fuq il-bejt noqgħod niskeċċja u nitgħallem mill-isketches li nagħmel u dħalt għal dik l-imħabba tal-ambjent tiegħi.”
Fl-aħħar, saħaq li din il-wirja hemm warajha preparamenti kbar u sostna li ħaġa tajba li ħarġet mill-pandemija, hija li kellu ċ-ċans ipitter dan kollu.
Qal, “L-aktar li għandi xogħlijiet hawnhekk bis-saħħa tal-Covid. Dawn l-aħħar sentejn għax ma tkunx tista’ tmur imkien allura kelli ħafna aktar ċans li noqgħod naħdem id-dar. Bdejt naħseb biex intella din l-exebition u kelli xi xogħlijiet lest minn qabel u għaqqadt kollox b’din il-wirja.”