Aktar minn mitt għaqda volontarja qed jibbenefikaw minn fondi tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, li jlaħħqu ż-żewġ miljuni u nofs ewro, biex iżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma.
Permezz ta’ din l-iskema, dawn l-għaqdiet li jvarjaw, minn għaqdiet soċjali, għal mużikali u sportivi, inaqqsu l-emissjonijiet u l-ispejjeż, biex ikollhom iktar riżorsi biex isaħħu l-operat u s-servizzi tagħhom fil-komunità.
Kull għaqda rċeviet għotjiet ta’ bejn elf ewro, u sebgħa u għoxrin elf ewro, skont it-tip ta’ proġett.
Il-proġetti implimentati mill-għaqdiet li gawdew minn din l-iskema fl-aħħar erba’ snin, irriżultaw fi tnaqqis totali ta’ wieħed punt erba’ gigawatts hour ta’ enerġija kkunsmata.
Dan ifisser li mhux biss iffrankaw mill-kontijiet tagħhom, imma dawn l-għaqdiet naqqsu wkoll l-emissjonijiet tal-karbonju b’aktar minn ħames mitt tunellata.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Inspire spjega l-proġett li sar mill-għaqda li jmexxi.
Qal,“Il-proġett huwa maqsum fi tlieta, l-ewwel wieħed relatat ma’ xiri ta’ pool covers – għax il-fondazzjoni għandha pixxina terapewtika ta’ ħamsa u għoxrin metru li tiġi msaħħna u naturalment il-pool cover ħa tgħinna biex insalvaw dik is-sħana kollha li tiġi mitlufa normalment. It-tieni proġett huwa relatat mat-tibdil tad-dawl kollu f’LEDs u t-tielet proġett huwa t-tibdil ta’ numru ta’ ACs li huma ħafna iktar effiċjenti milli għandna bħalissa.”
Proġetti oħra li saru mill-għaqdiet volontarji raw ir-restawr ta’ ġwiebi, installazzjoni ta’ netwerks għall-ilma sekondarju biex jintuża l-ilma tax-xita, u investiment f’apparat tal-kċina aktar effiċjenti.
Waqt attività ta’ rikonoxximent lil dawn l-għaqdiet, il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli qalet kif skemi bħal dawn, juru l-impenn biex ħadd ma jaqa’ lura fil-mixja lejn is-sostenibbiltà.
Qalet,“Dak li ħaddimna fl-aħħar snin irridu nkomplu nħaddmuh għaliex nemmnu li s-settur tal-volontarjat huwa settur importanti fit-tranżizzjoni li qegħdin nagħmlu bħala pajjiż biex ikollna ekonomija li ma tniġġisx, u li tkun sostenibbli sew soċjalment u anki ambjentalment.”
Il-Ministru għall-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli faħħret is-sinerġija f’din l-iskema, li wasslet biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-għaqdiet volontarji.
Stqarret,“Komunitajiet sostenibbli huma komunitajiet aktar b’saħħithom. Nieħdu gost naraw li l-għaqdiet volontarji jkunu stakedholder importanti f’din il-bidla li qed jagħmel pajjiżna biex naraw li l-komunitajiet tagħna jkunu aktar sostenibbli.”