Is-Segretarju Parlamentari Għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Digitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qed imexxi delegazzjoni ta’ kumpaniji tal-videogames u e-sports ġewwa Cologne fil-Ġermanja fejn permezz ta’ GamingMalta qed jesebixxu x-xogħol tagħhom f’Gamescom, l-akbar fiera Ewropea tal-video games u e-sports.
‘Din is-sena bħala Malta rajna li nsaħħu l-preżenza tagħna f’din il-fiera u kien għalhekk li għal Gamescon telgħu kumpaniji li joperaw f’pajjiżna sabiex anke huma jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom. Rajna li bħala Gvern nifhmu aħjar dak li qed tfittex l-industrija u għalhekk saru sforzi sabiex nispjegaw l-inċentivi li noffru bħala pajjiż u naraw li tinħoloq niċċa ekonomika ġdida. Din hija industrija enormi u għalhekk kien essenzjali li nħarsu lejha sabiex niddiversifikaw l-ekonomija tagħna u noħolqu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin’, qal is-Segretarju Parlamentari Schembri filwaqt li żied li għaddejjin diskussjonijiet ma’ istituzzjonijiet edukattivi sabiex joffru u jirrevedu korsijiet relatati ma’ din l-industrija sabiex żgħażagħ ikollhom l-oppportunità li jsegwu karriera f’dan il-qasam.
Wara li f’Mejju ta’ din is-sena tnediet strateġija ġdida bil-għan li jikbru aktar is-setturi tal-videogaming development u l-esports ġewwa pajjiżna, issa l-gvern qed iżid l-isforzi tiegħu biex pajjiżna jattira aktar investiment u kumpaniji li jaħdmu f’dan il-qasam, liema setturi jagħtu opportunitatjiet kbar lil dawk li jispeċjalizzaw fil-qasam tal-produzzjoni tal-logħob, produzzjoni tal-media, arti diġitali, u sport diġitali.
Waqt din iż-żjara ta’ kummerċ, is-Segretarju Parlamentari Schembri kellu diversi laqgħat ma’ investituri ta’ kalibru internazzjonali bl-għan li dawn jinvestu f’Malta u jkunu t’għajnuna għall-iżvillupp ta’ dawn is-setturi li kull ma jmur qed ikomplu jikbru fil-popolarità u x-xogħol li joħolqu. Dan għandu jwassal sabiex fiż-żmien li ġej naraw investimenti ġodda li se jkomplu joħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjiegi moderni ġewwa pajjiżna.
Sabiex jintlaħaq dan il-għan pajjiżna qed jinvesti f’edukazzjoni li tħares li tipprovdi aktar ħiliet meħtiega f’dawn is-setturi diġitali, kif ukoll fil-provediment ta’ inċentivi ġodda li jgħinu lill-kumpaniji fġ’dan il-qasam jiżviluppaw il-video games. Dan qed isir fl-isfond li globalment, dan is-settur huwa ferm akbar mil-industrija tal-films u l-mużika f’daqqa u għalhekk fih potenzjal kbir għall-ekonomija diġitali ta’ pajjiżna.
Għal din il-fiera li jattendu għaliha aktar minn 400,000 ruħ, qed jesebixxu x-xogħol tagħhom aktar minn 10 kumpaniji li jipproduċu l-logħob diġitali u joperaw fis-settur tal-e-sports f’Malta. Din hija t-tieni darba li pajjiżna qed jieħu sehem f’Gamescom bl-għan li jigi attirat investiment ġdid f’pajjiżna u jiġi żviluppat aktar kummerċ permezz ta’ GamingMalta u Malta Enterprise.
Waqt din il-fiera, li hija wkoll miftuħa għall-pubbliku, adulti, żgħażagħ u tfal akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom ikollhom l-opportunità li jilagħbu logħob ġdid li jkun għadu se joħroġ fis-suq jew jippruvaw esperjenza ta’ logħob diġitali interattiv li jinvolvi anke moviment fiżiku jew ħsieb. F’din il-fiera jesebixxu wkoll numru ta’ startups żgħar fejn studenti tal-università jkollhom l-opportunità li juru l-proġetti tagħhom biex potenzjalment jsibu investituri li lesti jgħinnuhom u jiżviluppaw il-logħob tagħhom.
Tul din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri kien akkumpanjat minn Ivan Filletti, Kap Responsabbli mill-Operat u l-Iżvilupp ta’ Negozju fi ħdan GamingMalta.