L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tirreaġixxi b’mod pożittiv għall-fatt li kien hemm żidiet reġistrati fl-ammont ta’ turisti li żaru stabilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva fir-raba’ kwart tal-2017.
Barra minn hekk, tul is-sena li għaddiet, l-ammont ta’ viżitaturi f’dawn l-akkomodazzjonijiet qabeż 1.8 miljun, li tfisser żieda ta’ 13%. L-ammont ta’ ljieli mqatta’ kważi laħaq id-9.6 miljun, li tfisser żieda ta’ kważi 7%.
Ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet, kien hemm żidiet reġistrati fl-ammont ta’ nies li żaru dawn l-akkomodazzjonijiet (+11.7%) u l-ammont ta’ ljieli li qattgħu fihom (+8.3%). L-ikbar ammont ta’ ljieli (48.5%) tqattgħu f’akkomodazzjonijiet ta’ erba’ stilel. L-użu nett ta’ sodod avvanza b’1.4 punti perċentwali, biex laħaq 58.2%.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għadha kemm iċċelebrat ir-riżultati miksuba fl-2017, fejn l-ammont ta’ turisti li waslu Malta bejn Jannar u Diċembru kważi laħaq 2.3 miljuni (+15.7%), filwaqt li l-ammont ta’ ljieli li turisti qattgħu f’pajjiżna kważi qabeż is-16.5 miljun lejl (+10.3%).
Fir-reazzjonijiet tiegħu għal dawn ir-riżultati pożittivi, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, is-sur Paul Bugeja, innota li huwa evidenti li intoppi preċedenti, bħall-istaġjonalità, qed ikunu indirizzati. Grazzi għall-ħidma konġunta bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Malta qed tkun irriklamata b’suċċess u dan isarraf fl-ammont ta’ viżitaturi tul is-sena kollha. Żied jgħid li dan ma jagħmilx tajjeb biss għall-industrija u l-ekonomija, iżda fl-aħħar mill-aħħar, għat-taxpayer Malti. Temm jgħid li dawk kollha fl-industrija għandhom jikkollaboraw sabiex dan is-suċċess ikun sostenibbli.
Il-Ministru responsabbli mit-turiżmu, Dr Konrad Mizzi, qal li s-suċċess ta’ Malta f’dawn ir-riżultati pożittivi fl-akkomodazzjoni kollettiva jorbot u jikkumplimenta l-espansjoni fil-konnettività bl-ajru. Tmin rotot ġodda minn seba’ pajjiżi differenti bdew joperaw minn u lejn Malta s-sena li għaddiet, biex b’hekk żiedu man-network estensiva li tgħaqqad lil Malta ma’ swieq differenti li jwasslu aktar turisti lejn akkomodazzjonijiet kollettivi f’Malta u Għawdex.