“Bħalissa qegħdin nassistu għal operazzjoni fejn fi ftit tal-minuti oħra se tkun qed titella’ xibka minn qiegħ il-baħar propju quddiem Kemmuna.
Din ix-xibka ilha hawnhekk mat-tletin sena fejn kien għereq trawler li ttella’ però din ix-xibka baqgħet f’qiegħ il-baħar.
Qed jassistu wkoll bosta bugħaddasa mill-NGO Żibel illi kienet fuq l-insistenza tagħhom li din ix-xibka titella’ u bl-għajnuna tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Akwakoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.”
F’din l-operazzjoni ttellgħet ix-xibka maġġuri li tiżen madwar erba’ mija u tmenin kilo iżda li flimkien ma’ xbieki oħra li ttellgħu qabel f’madwar sagħtejn ittellgħu ‘l fuq minn nofs tunnellata f’parit u apparat tal-baħar.
Dan kollu ittella’ mill-bajja ta’ San Nikola, f’Kemmuna f’fond ta’ madwar sittax-il metru mill-wiċċ tal-baħar.
Fortunatament, meta x-xbieki ġew analizzati fuq l-art ma nstabx ħut jew annimali tal-baħar maqbuda fiha. Dan minħabba li l-art tal-baħar fejn kienet qiegħda x-xibka hija ċatta u ramlija.
Il-kobor tax-xibka li kellha titella’ rrikjediet dgħajsa mgħammra bi krejn provduta bl-għajnuna tad-Dipartiment għas-Sajd u l-Akkwakolutra, filwaqt li kien hemm ukoll dinghy b’numru ta’ bugħaddasa mill-għaqda volontarja Żibel.
L-operazzjoni li segwejna kienet l-aħħar għaddsa marbuta ma’ dan it-tagħmir f’qiegħ il-baħar minn erbgħa li għamlu l-voluntiera sabiex investigaw ix-xibka u raw kif din kellha titella’ bl-aħjar mod.
Ftit tal-mumenti wara li x-xibka maġġuri ttellgħet b’suċċess, tkellimna mal-Ko-Fundatur u ċ-Chairman ta’ Żibel, Andrew Schembri li spjegalna il-punti saljenti li kkaratterizzaw din l-operazzjoni.
Schembri qal, “Biex qtajnieha x-xibka minn mal-bqija tal-istruttura li kien hemm taħt l-ilma użajna diversi cable cutters, segi u skieken differenti. Din hija parti wkoll mix-xogħol li nagħmlu mal-Fisheries Department dwar ghostness, inġenerali.”
Din ma kinitx l-ewwel operazzjoni ta’ dan it-tip għall-għaqda Żibel hekk kif il-voluntiera kemm il-darba mmarrkaw tagħmir użat mis-sajjieda mitluqa f’qiegħ il-baħar li jkunu tħallew għal xi raġuni jew oħra.
Raġunijiet komuni għaliex dan it-tagħmir jispiċċa jintilef jinkludu li dan jinqabad ma’ strutturi artifiċjali jew ma’ blat jew saħansitra l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp li jaħkmu l-post fejn dan it-tagħmir ikun qed jintuża.
Dan bil-konsegwenza li t-tagħmir li jiġi mitluq għal rieħu isir nassa għall-ħut u kreaturi tal-baħar. Dan huwa magħruf bħala ‘ghost fishing’.
Apparti minn hekk, dan it-tagħmir jagħmel ħsarat sostanzjali fuq l-abitat tal-istess kreaturi.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakoltura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said segwiet l-operazzjoni mill-qrib.
Bugeja Said spjegat kif minn naħa tal-Gvern din il-kollaborazzjoni qed tintrabat ma’ inizjattiva li tnediet sena ilu biex tirkupra xbieki u rkapti mitlufa fil-baħar bil-għan li jerġgħu jintużaw mis-sajjieda.
Fil-fatt, kien ġie mniedi wkoll freephone sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jirraportaw tagħmir mitluf bil-għan li jkompli jiġi miġġieled il-fenomenu tal-ghost fishing.
Bugeja Said stqarret, “Aħna nitlobu u nħeġġu lis-sajjieda sabiex ikomplu jagħmlu użu minn din l-iskema sabiex fl-aħħar mill-aħħar il-bijodiversità tal-ibħra tagħna tibqa’ waħda protetta u nkunu nistgħu ngawdu minn baħar sostenibbli.”