Aktar min-nofs l-investituri barranin f’pajjiżna jemmnu li fi żmien sena se jkunu qed joperaw fil-livell tas-sena l-oħra, qabel ma faqqgħet il-pandemija.
Dan joħroġ minn dettalji ta’ stħarriġ li wettqet il-kumpanija EY.
L-istħarriġ li sar permezz ta’ intervisti individwali mal-investituri fix-xahar ta’ Ġunju wera li 56% tal-investituri barranin jemmnu li fi żmien sena jew qabel, se jkunu rkupraw mill-pandemija.
68% tal-investituri qed iħaddmu mudell ta’ xogħol mid-dar u 18% se jnaqqsu l-operat tagħhom mill-uffiċċini.
L-istħarriġ, li f’Ottubru se jkun ippubblikat fl-intier tiegħu, juri wkoll li nofs l-investituri ma biddlux il-pjan ta’ investiment li kellhom għal din is-sena, minkejja l-pandemija.
17% tal-investituri pposponew il-pjanijiet tagħhom biex ikattru l-investiment għas-sena d-dieħla u 12% biddlu ftit il-pjanijiet tagħhom.
40% tal-investituri barranin f’Malta jħossu li għandhom tliet snin sakemm jirkupraw mill-pandemija filwaqt li ċifra notevoli oħra hi li 22% tal-investituri, kważi kwart, iħossu li l-pandemija kienet pożittiva għalihom.
L-istudju juri wkoll kif l-investituri addattaw malajr l-operat tagħhom fi żmien il-pandemija, bi tliet kwarti tal-investiuri qalu li mal-ewwel qelbu l-operat tagħhom mid-dar.