Rapport tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni, magħruf bħala l-GRECO, wera li Malta wettqet jew qed twettaq iżjed min-nofs ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.
Fil-fatt, ir-rapport tal-GRECO jgħid li Malta implimentat b’mod sħiħ żewġ rakkomandazzjonijiet, qed twettaq 12 oħra, u għad hemm 9 rakkomandazzjonijiet li m’humiex implimentati.
Ir-rapport tal-GRECO nnota riformi li wettaq il-Gvern favur is-saltna tad-Dritt u l-governanza tajba, fosthom li ġew addottati politika kontra l-frodi u l-korruzzjoni, kodiċi tal-etika fil-Korp tal-Pulizija, u l-istrateġija tat-trasformazzjoni tal-istess Korp.
Il-GRECO rrimarka li l-fatt li membri fil-Korp issa jistgħu jagħmlu b’mod anonimu rapporti dwar korruzzjoni huwa pass pożittiv u nnota b’mod pożittiv il-fatt li l-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija issa qed issir b’sejħa pubblika u bi skrutinju parlamentari.
Il-GRECO kkummenta li jeħtieġ iżjed progress fuq punti oħra, u semma l-bżonn ta’ titjib fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq pjattaformi online.