55% tal-persuni vulnerabbli ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin għall-Covid-19.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt diversi tweġibiet parlamentari fuq it-tilqim.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif hemm 23,000 persuna li huma vulnerabbli li se jingħataw il-vaċċin u aktar minn nofshom ħadu l-ewwel doża.
Fi tweġiba oħra, Chris Fearne qal kif hemm ‘il fuq minn 80% tal-anzjani li għandhom iżjed minn 80 sena li ħadu t-tilqima u saħaq kif il-proċess għadu għaddej u jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu.
Il-Ministru għas-Saħħa qal kif bħalissa għaddej il-proċess li jitqassmu l-istediniet għat-tilqima sabiex dawk li għandhom iżjed minn 60 sena jieħdu l-vaċċin.
Qal kif fil-grupp ta’ bejn is-60 u d-79 sena hemm madwar 94,000 persuna.