Aktar min-nofs il-Maltin qalu l-vuċi tagħhom tgħodd f’pajjiżna.
Dan ħareġ minn studju tal-Ewrobarometru dwar il-Parlament Ewropew ippublikat dan ix-xahar, bil-mistoqsijiet ġew mistoqsija f’Novembru li għadda.
F’dan l-istudju ħareġ kif tlieta u ħamsin fil-mija (53%) ta’ dak li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li għandhom vuċi fid-deċiżjonijiet tal-pajjiż.
Hawnhekk meta l-Maltin ġew mistoqsija l-istess dwar l-Unjoni Ewropea, aktar min-nofs tan-nies li wieġbu, qalu li l-vuċi tagħhom ma tgħoddx.
Fil-fatt wieħed u ħamsin fil-mija (51%) wieġbu fin-negattiv dwar l-Unjoni Ewropea.
Skont dan l-Ewrobarometru, disgħa u tletin fil-mija (39%) tal-Maltin qalu li għandhom immaġni pożittiva dwar il-Parlament Ewropew.
Il-medja Ewropea hawnhekk hija ta’ sitta u tletin (36%).
F’dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ħareġ kif il-Maltin iridu li l-Parlament Ewropew jindirizza bi prijorità t-tibdil fil-klima, is-saħħa pubblika u l-immigrazzjoni.
Dan l-istħarriġ juri li t-tibdil fil-klima hija ta’ prijorità għall-Maltin u l-Għawdxin u dan wara li din il-kwistjoni tinsab fuq l-aġenda nazzjonali.
Dwar it-tibdil fil-klima, il-Prim Ministru Robert Abela kien indirizza s-summit tal-COP26, li sar fi Glasgow f’Novembru li għadda.
Dr Abela quddiem il-mexxejja u esperti internazzjonali saħaq li Malta se tkun qed tirdoppja l-fondi tagħha fil-fond ambjentali tal-Ġnus Maqgħuda.