Fuq medda ta’ tliet snin, aktar min-nofs id-djar tal-Gvern għal skop soċjali ġew riġenerati.
Dan sostnieh il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fil-Parlament it-Tnejn filgħodu fil-ħin tal-mistoqsijiet. Qal, “Mill-istock eżistenti ta’ 1,117-il blokka sar xogħol f’madwar 54% tal-istock kollu tal-Housing Soċjali.”
Il-Ministru Galdes spjega wkoll ix-xogħlijiet li qed isiru biex aktar blokok tal-housing igawdu minn dawra tajba.
Spjega, “Din is-sena wkoll se nkunu qed nirranġaw blokok fil-lokalitajiet ta’ Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ, Santa Venera, sitt blokok Ħal Tarxien, l-Imsida, Santa Luċija, ir-Rabat, Ħal Kirkop, il-Marsa, il-Mosta, il-Furjana, Bormla, Birkirkara, il-Belt Valletta, l-Isla u anke San Ġwann. Dan ifisser ukoll li x-xogħol estensiv se jibqa’ għaddej minn sena għal sena.”
Fil-Parlament, il-Ministru Galdes spjega wkoll kif b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali qed jsir tisbiħ fil-komun tal-blokok tad-djar tal-Gvern.
Hawn, il-Ministru Roderick Galdes qal li l-Kunsilli jgawdu minn skema ta’ għotja mill-Gvern u issa se jsir tisbiħ tal-komun ta’ 112-il blokka.
Il-Ministru għall-Akkomdazzjoni Soċjali qal li sas-sena d-dieħla se jkunu tpoġġew madwar mija u tmienja u ħamsin lift biex id-djar tal-Gvern ikunu aċċessibbli.
Qal, “Lifts ukoll sas-sena 2022, ħa nkunu nstallajna madwar 158 lift madwar il-pajjiż kollu. Il-ħsieb u l-mira tagħna hija li kull blokka ssir aċċessibbli.”