Aktar minn tliet mija, ħamsa u erbgħin elf passiġġier qasmu l-fliegu fi żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Dan joħroġ minn ċifri, li kiseb ONE News mill-kumpanija Gozo Channel, dwar l-ammont ta’ persuni li l-kumpanija ġarret bejn il-15 ta’ Diċembru u l-5 ta’ Jannar li għaddew.
Dawn jeskludu servizzi oħrajn ta’ vjaġġar bejn Malta u Għawdex, partikolarment il-Gozo Fast Ferry.
F’dan l-istess perjodu, il-Gozo Channel ġarret mija u sbatax-il elf, ħames mija, tmienja u tletin vettura f’total ta’ elfejn u erbgħa u tmenin vjaġġ.
Dawn iċ-ċifri huma simili għal dawk li ġew irreġistrati tnax-il-xahar qabel, li wkoll kienu rreġsitraw żieda fuq l-2022.
Jirriżulta wkoll lil ONE News li dawk li telqu mill-port tal-Imġarr, Għawdex, kienu jgħoddu għal sebat elef, sitt mija, erbgħa u disgħin passiġġier aktar minn dawk li telqu miċ-Ċirkewwa. Dan filwaqt li miż-żewġ portijiet telqu mat-tmienja u ħamsin elf u seba’ mitt vettura, fl-istess waqt li saru żewġ vjaġġi iżjed mill-Imġarr, Għawdex. B’total ta’ elf u tlieta u erbgħin vjaġġ.
L-aktar ġurnata li rat passiġġieri jaqsmu l-fliegu kienet nhar is-Sibt 28 ta’ Diċembru meta l-kumpanija ġarret, tnejn u għoxrin elf, seba’ mija u sittin passiġġier.
Madankollu, l-aktar jum impenjattiv kien it-30 ta’ Diċembru meta l-Gozo Channel irreġistrat il-ġarr ta’ tnejn u għoxrin elf, seba’ mija u ħamsa u sebgħin passiġġier u sebat elef, mija u tlieta u erbgħin karozza f’mija u żewġ vjaġġi.
Ħarsa lejn l-ammont ta’ vjaġġi li l-kumpanija għamlet matul dan il-perjodu turi kif saru medja ta’ ħamsa u disgħin vjaġġ kuljum, b’għaxart ijiem minnhom li fihom il-kumpanija għamlet mitt vjaġġ jew aktar.