Deputati tal-Partit Nazzjonalista ngħataw ordni biex ma jitkellmux ħafna meta mistoqsija jekk Gvern Nazzjonalista hux se jneħħi r-riforma fil-liġijiet tal-kannabis.
Żvelat dan il-Maltatoday fil-faċċata tal-ħarġa ta’ nhar l-Erbgħa hekk kif baqgħu jkunu konsistenti d-dettalji li joħorġu mid-Dar Ċentrali.
Dan f’mument fejn il-pressjoni fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech tinsab fl-ogħla livelli.
Il-Partit Nazzjonalista għadu ma ddeċidiex x’se jagħmel jekk jirbaħ il-Gvern.
Filwaqt li mhux normali li meta tkun għaddiet riforma ta’ dan it-tip titreġġa’ lura, l-Oppożizzjoni qed tikkunsidra kollox, bid-deputati infurmati li deċiżjoni finali tittieħed iktar ’il quddiem.
Għalhekk intqal lilhom biex ikunu kawti u jiddevjaw domandi fuq is-suġġett.
Intant il-Maltatoday innutat kif din il-liġi kompliet taqsam lill-Partit Nazzjonalista u saħansitra l-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li ma jitkellimx fil-Parlament fuq riforma daqstant maġġuri u importanti.
Meta mistoqsi dwar dan il-fatt minn ONE News, Grech ma weġibx.
Biex l-iskuża li ġab f’kummenti li ta lil sezzjonijiet oħra tal-midja kienet li ried jagħti ċans lil ħaddieħor.
Skuża li min jaf l-affarijiet parlamentari jidddeskriviha bħala vojta għax fil-Parlament jiżdied il-ħin għal dibattitu fuq liġi partikolari jekk ikun hemm ħtieġa ta’ iktar kelliema.
Għalhekk erġajna staqsejnih.