Aktar midja indipendenti qed tinnota u tirrapporta li l-firda fil-Partit Nazzjonalista baqgħet tippersisti anki waqt kampanja elettorali fejn il-poplu jiġi mitlub jagħżel lil min jixtieq immexxih għall-ħames snin li ġejjin.
L-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent qal kif ma kienet ebda sorpriża l-irtirar tal-kandidatura f’daqqa ta’ erba’ deputati Nazzjonalisti, fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali.
Intqal kif il-qasma fil-Partit Nazzjonalista baqgħet evidenti, minkejja l-bidla fit-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista.
L-editorjal tal-Independent qal kif tlieta minn dawn id-deputati huma meqjusin bħala parti mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Intqal kif dan l-irtirar seħħ fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali jista’ jitqies bħala l-agħar mument li joħloq anki instabilità fil-Partit ta’ Bernard Grech.
L-editur tal-gazzetta fakkar kif l-irtirar ta’ dawn l-erba’ deputati seħħ wara l-irtirar ta’ Herman Schiavone u Therese Comodini Cachia.
L-editorjal ta’ din il-gazzetta qal kif dan l-irtirar juri imaġini ta’ Partit Nazzjonalista mifrud u maqsum.
Dan l-editorjal innota l-ispin li pprova jagħmel Bernard Grech meta qal li d-Deputati rtiraw biex jagħtu spazju, bil-gazzetta tfakkar li Kristy Debono u Claudio Grech ma kinux Deputati meqjusa antiki.
Il-gazzetta saħansitra nnutat kif din hija iżjed kontraditorja meta tikkunsidra li hemm deputati li ilhom minn qabel is-sena elfejn fil-Parlament.
Intqal kif id-Deputati u Kandidati antiki madwar Bernard Grech kienu parti mill-Gvern li n-nies sfiduċjaw.