Team Malta kompla jirbaħ aktar midalji waqt l-iSpecial Olympics World Games li qed isiru f’Berlin il-Ġermanja.
Fl-ewwel parti tal-ġurnata tal-Erbgħa intrebħu erba’ midalji oħra: tlieta u deheb waħda bronż.
Żewġ midalji waslu miċ-ċikliżmu. Carmelo Pace rebaħ id-deheb fil-5K Road Race meta daħal l-ewwel f’ħin ta’ 6minuti 05.33 sekondi. Dejjem fiċ-ċikliżmu u dejjem fil-5K Road Race, Sasha Cini rebħet il-bronż meta kellha ħin ta’ 6minuti 43.62sekondi.
Midalja tad-deheb fl-Għawm fil-4X25m freestyle. L-għawwiema maltin kienu Maria James, Benji Camilleri, Alessia Distefano u Sam Micallef.
U midalja tad-deheb ukoll fit-Table Tennis fil-Men’s Unified Doubles event. Hawnhekk l-atleta malti Samuel Borg lagħab ma’ Anthea Cutajar u fil-finali għelbu lill-koppja mill-Oman.
Intant aktar tard matul il-ġurnata intrebħet midalja tal-fidda permezz ta’ Giuseppina Galea li spiċċat it-tieni fit-2K Time Trials. Hija kellha ħin ta’ 6 minuti 00.24 sekondi. B’hekk il-midalji mirbuħa l-erbgħa telgħu għal ħamsa: tlieta deheb, waħda fidda u waħda bronż.