Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ried ineħħi lid-deputat nazzjonalista Claudette Buttigieg minn deputat speaker biex minflokha jaħtar lid-deputat nazzjonalista Fredrick Azzopardi.
Izda meta fit-tmiem il-ġimgħa kien qed jinnegozja r-reshuffle, Caludette Buttigieg għamlitilu ċara li wara li tilfet il-kariga tagħha ta’ Manager tar-Rizorsi Umani fid-Dar Ċentrali, ma kinitx se taċċetta li titlef il-pożizzjoni tad-Deputat Speaker.
L-Orizzont zvela kif ma Adrian Delia, Claudette Buttigieg argumentat li biex ineħħiha għandu jmur għall-vot fil-Parlament għax il-ħatra tagħha hija rregolata b’artikli tmienja u ħamsin u disgħa u ħamsin tal-kostituzzjoni.
Filfatt jekk Adrian Delia ried lil xi ħaddieħor minflokha kellu jressqu għal vot fil-parlament, fejn Buttigieg hija ċerta li għandha l-appoġġ ta’ mill-inqas tmien d-deputati.
Fl-aħħar ġimgħat Buttigieg ikkritikat lil Adrian Delia f’intervista mat-Times of Malta.
Il-ġurnal l-Orizzont zvela wkoll kif is-segretajru ġenerali Clyde Puli għamel sforz kbir biex il-Ħadd il-Partit Nazzjonalista jimla s-sala tal-Kazin Nazzjonalista tas-Siġġiewi. Huwa beda jibgħat mijiet ta’ messaġġi biex Delia jingħata merħa sabiħa.
Attivita li saret jum wara li Delia għamel r-reshuffle u għamel jumejn jipprova jikkonvinċi ħafna mid-deputati nazzjonalisti biex jieħdu d-dekasteri l-ġodda.
Apparti Clyde Puli, kemm Pierre Portelli kif ukoll Jean Pierre Debono kellhom sehem importanti fid-deċiżjonijiet.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lill-Orizzont li l-preżenza fis-Siġġiewi ta’ wħud mid-deputati bħal Therese Comodini Cachia, Beppe Fenech Adami, Ryan Callus, Jason Azzopardi kienet miftehma.
Filfatt dawn id-deputati qablu li jmorru għax kien se jitkellem d-deputat nazzjonalista Chris Said u riedu jibagħtu messaġġ lil Adrian Delia li minkejja li għamel reshuffle ma kinux se jagħtuh triq faċli.
Il-ġejjieni ta’ Adrian Delia mhux se jkun wieħed faċli, hekk kif irid jissara ma’ aktar mewġ mqalleb fil-grupp parlamentari nazzjonalista.