Mill-grupp ta’ Whats App tal-Partit Nazzjonalista “Kap Retweeters” ġew illikjati aktar messaġġi li jinsabu f’idejn One News. Messaġġ minnhom f’dan il-grupp, huwa dak ta’ bejn il-Viċi Kap Nazzjonalista u l-esponent nazzjonalista Pierre Portelli. Bil-messaġġ tiegħu Portelli deher jattakka lill-esponenti u d-deputati nazzjonalisti qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Pierre Portelli talab lil David Agius sabiex jaqta’ qiesu min-nies mill-fazzjoni ta’ Busuttil li fl-aħħar ħmistax-il xahar baqgħu ma niżżluhiex li Adrian Delia jinsab fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
“Don’t bother contacting people individually David, they had their fair chance of time, it’s been 15 months now for gods sake. I know you mean well, imma waste of time” – kiteb Pierre Portelli.
David Agius huwa konxju tal-inkwiet u l-qasma li hemm fil-Partit Nazzjonalista. Tant li Adrian Delia qiegħed jibza’ jlaqqa l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Fil-fatt Agius kiteb li hu qatt ma jaqta’ qalbu minn dawn in-nies. “I never give up on anyone.” – kiteb Agius. Għalkemm kien skomdu jkompli iwieġeb lil Pierre Portelli u d-dawwar il-konversazzjoni fuq l-għan tal-grupp Kap Retweeters. Grupp li nħoloq sabiex ixerrdu materjal tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
“But the aim of this group is very clear … And those who retweet have their name beneath each Kaps tweets”. kompla jikteb David Agius. Messaġġi oħra mill-stess grupp żvelati minn ONE NEWS wrew kif Julian Micallef keċċa lill-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake.
Hija tkeċċiet mill-grupp wara li b’referenza għal Adrian Delia qalet li kap tajjeb għandu jkun integru u b’awtorità morali. Dak li kitbet Thake għoġob lid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li għamel “like” fuq il-post ta’ Thake.
Karol Aquilina huwa wieħed mid-deputati nazzjonalisti li jifforma parti mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u ma jarawx għajn m’għajn mal-fazzjoni ta’ Adrian Delia.