Wara li fl-ewwel mitt jum tat-tieni leġiżlatura ta’ Gvern Laburista tħabbru erba’ mediċini għall-pazjenti tal-kanċer fuq il-formularju tal-Gvern, b’investiment ta’ €2 miljun ewro fis-sena, tħabbru tliet mediċini ġodda oħra b’xejn immirati għall-kanċer avvanzat. Speċifikament għall-pazjenti b’kanċer fil-kliewi, fis-sider, u fil-ġilda.
Biex b’hekk qed titwettaq il-wiegħda elettorali tal-Partit Laburista, li fil-ħames snin li ġejjin, il-mediċini stabbiliti kollha tal-kanċer, imorru fuq il-formularju tal-Gvern.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta nieda l-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer għall-ħames snin li ġejjin.
Pjan li miġbur f’aktar minn mitt paġna, ġie varat wara xhur ta’ konsultazzjoni pubblika u diversi diskussjonijiet m’esperti u professjonisti mediċi.
Lil’hinn mit-tnax –il elf persuna li qed jgħixu bil-kanċer f’pajjiżna, il-Ministru għas-Saħħa nnota li kull sena, f’pajjiżna qed ikun hawn mal-elfejn każ ġdid ta’ kanċer, fl-istess waqt li kawża tiegħu qed imutu mad-disa’ mitt persuna.