B’investiment ta’ dwar erba’ miljun ewro fis-sena, madwar ħamsa u sittin pazjent se jibbenefikaw minn mediċina b’xejn għal kontra l-melanoma u l-kanċer tal-pulmun. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferena fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ Kontra l-Kanċer mtella’ mill-uffiċċju tal-president bit-tema, Tghix mal-kanċer.
Dr Fearn qal li fl-aħħar sena u nofs żdiedu tmien mediċini b’xejn fil-Formularju tal-Gvern għall-kura tal-kanċer b’żieda ta’ madwar tmien miljun aktar fis-sena. Qal li matul l-istess perjodu aktar minn sitt mitt pazjent bi tliet tipi ta’ kanċer differenti bdew jingħataw servizz innovattiv li permezz tiegħu qed jiġu segwiti fuq bażi personali. Il-konferenza kienet karatterizzata minn esperjenzi ta’ persuni li ntlaqtu minn din il-marda kiefra.
Fosthom Clare Busuttil li ma’ ONE NEWS irrakkontat kif tul dawn l-aħħar sitt snin u nofs ikkumbatti mal-kanċer tas-sider. Hija qalet li ħajjitha nbidlet drastikament għax ma setgħetx tkompli bir-rutina tas-soltu. Flok l-eżerċizzju li kienet tħobb tagħmel, żdiedu ż-żjarat fl-isptar. Minkejja t-tbatijiet li ġġib magħha din il-marda, Clare kellha kliem ta’ tama għal dawk li bħalha għaddejjin minn din it-tbatija.
Fil-konfenza, il-President Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif wieħed m’għandux iħares lejn dawn il-pazjenti, il-qraba tagħhom u dawk ta’ madwarhom bħala numru iżda li l-ħajja tal-bniedem dejjem għandha tingħata prijorità speċjalment f’dawn il-mumenti sensittivi.