Il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa Adrian Delia tenna l-pożizzjoni tiegħu li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil għandu jissospendi lilu nnifsu mill-Partit Nazzjonalista.
Quddiem sala li matulha ttellgħet attività b’appoġġ għal Delia fil-Wardija l-Ħamis filgħaxija, Delia sostna ma’ ONE NEWS li mhux se jerġa’ lura mid-deċiżjoni tiegħu li jneħħi lil Busuttil mix-shadow cabinet tiegħu.
Delia qal li “Mela jien għamilt decizjoni ta tnehhiija ta’ simon busuttil mix-shadow cabinett u dik id-deċizjoni mhux se nibdilha. Il-parti l-oħra hija stedina – l-istendina qiegħda f’ħoġor Simon Busuttil u jiddeċiedi hu.”
Il-Kap Nazzjonlista żied jgħid li ħamest ijiem wara li sejjaħ għas-sospensjoni ta’ Busuttil mill-partit baqa’ ma sar ebda kuntatt bejniethom.
Delia qal li “Fl-aħħar sigħat tkellimtu bejnietkom – le tkellimna lħadd waranofsinhar qabel ma ghamil il-pc u wara dakinhar ma erġajniex tkellimna.”
Għall-attività kienu preżenti bosta deputati mill-fazzjoni ta’ Delia. Fosthom id-deputat Herman Schiavone li ma’ ONE NEWS stqarr li Busuttil għandu jiddexerni ruħu u jara x’qallu l-kap tal-partit.
Schiavone qal li “Jien diġà għamiltha ċara l-pożizzjoni tiegħi, naħseb li akbar mill-partit m’hemm ħadd – naħseb li Simon Busuttil għandu jiddixerni u jara x’qallu l-kap tal-Partit u l-amministrattiv tal-partit.”
Mistoqsi jaħsibx li Delia għandux ikompli jinsisti fuq is-sospensjoni ta’ Busuttil, Schiavone qal li l-pożizzjoni tal-Kap hija cara.
Madankollu l-eks kap Simon Busuttil jidher li qed ikompli jsabbat saqajh u jirrifjuta t-talba ta’ Delia li jwarrab mill-partit.
Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista żvelaw li wara l-laqgħa sigrieta bejnu u l-eks Kap Lawrence Gonzi f’lukanda l-Floriana, fl-aħħar sigħat Busuttil kompla jlaqqa’ n-nies mill-fazzjoni tiegħu f’daru f’Ħal Lija fosthom l-eks Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u d-deputat Carol Aquilina li kienu fost il-11-il deputat li ħarġu kontra d-deċiżjoni ta’ Delia u l-amministrazzjoni tal-partit li sejħet għas-sospensjoni ta’ Busuttil.