Fiċ-Champions League, xi wieħed mill-kampjonati nazzjonali jew xi kompetizzjoni oħra, dejjem aktar Maltin qed ifittxu l-opportunità li jsiefru barra minn xtutna biex isegwu l-isport tant maħbub anke f’pajjiżna.
Fost il-poplu tagħna, din is-sena rat qabża kbira fis-safar tal-Maltin u l-Għawdxin, inkluż għal attivitajiet sportivi ta’ dan it-tip, partikolarment bi tpattija għar-restrizzjonijiet tal-aħħar snin minħabba l-pandemija. Minbarra hekk, differenti minn oħrajn, il-familji Maltin baqgħu jgawdu minn livell tajjeb ta’ għajxien.
Numru dejjem jiżdied ta’ partitarji Maltin qegħdin jitħajru jixtru l-biljetti għal logħbiet biex isegwu wħud mill-aqwa timijiet b’fama internazzjonali.
“Il-COVID, fil-verità, li waqqfet lin-nies milli jmorru fi stadiums barranin però dawn l-aħħar xhur naħseb li żdiedu b’ammont kbir in-nies li qed isiefru barra l-pajjiż biex isegwu lit-tim favorit tagħhom. Però anke lil hinn mit-tim favorit tagħhom, qed naraw ħafna nies li jipprovaw jgħaqqdu, eżempju, jumejn jew tlieta ta’ futbol internazzjonali, fejn għandek it-tlieta u l-erbgħa l-UEFA Champions League u l-Ħamis il-UEFA Europa League u l-UEFA Conference League.”
Clinton Buhagiar
Għalkemm numru ta’ dilettanti jagħżlu li jsegwu xi partitissima sempliċiment biex jitpaxxew bil-futbol u jsegwu l-idoli tagħhom mill-viċin, għal oħrajn akkaniti wkoll biżżejjed li jkunu parti mill-folla ta’ partitarji fil-grawnd meqjusin bħala “t-12-il plejer”.
Minkejja li għall-Maltin bla dubju l-aktar timijiet segwiti huma dawk Ingliżi u Taljani, tkellimna ma’ Patrick Pace li hu parti mill-kumitat tal-Bayern Munich Fan Club Malta, qalilna li d-domanda għall-biljetti tal-partiti ta’ dawn il-ġganti Ġermaniżi qiegħda dejjem tiżdied u l-aħħar sena saħansitra kienet waħda rekord.
“Is-sena l-oħra fil-fatt kellna rekord ta’ fans li telgħu jaraw il-Bayern, l-aktar ovvjament il-home matches u din is-sena bdejna tajjeb ħafna wkoll, jiġifieri prattikament kull logħba li kien hawn tal-Bundesliga kien hemm xi ħadd minn tagħna li tela’ jara l-logħba.”
Patrick Pace
Patrick kompla jgħid li hekk kif Illum se tintlagħab il-partitissima mill-fażi tal-gruppi taċ-Champions League bejn Bayern Munich u Manchester United fl-Istadium leġġendarju ta’ Old Trafford, xorta waħda telgħu numru ta’ supporters ta’ Bayern, Maltin li se jkunu parti mill-folla tal-Ġermaniżi wara l-benjamini tagħhom fil-partita barra minn darhom.
“Il-Bayern għandhom sistema li kull fan club li hawn fid-dinja, kemm jekk hux fan club Ġermaniż jew fan club mit-Tajlandja, Malta, il-Ġreċja jew l-Amerka fejn hemm ħafna, jiġi allokat tmien biljetti għal kull away match u aħna użajna dawn it-tmien biljetti wkoll illum li għandna logħba mill-aqwa kontra l-Manchester United u se jkun hemm tmien partitarji tagħna fl-attendenza.”
Patrick Pace
Joanna Camilleri, ġurnalista sportiva oħra, qalet li għad-dilettanti, l-esperjenza fi wħud mill-akbar stadiums fid-dinja hi ħolma maġika anke jekk il-partita ma tkunx tat-tim rispettiv tagħhom.
“Dejjem hu sabiħ li tmur tara logħba barra mill-pajjiż, l-ewwel ħaġa tara l-istadiums kbar tagħhom u jkollok esperjenza differenti u imbagħad, wara kollox jiena li ġejja mill-isports, tkun xi tkun il-logħba jiġifieri jekk ikunx it-tim nazzjonali Malti li se nkun qed narah barra mill-pajjiż, jekk hux, pereżempju, it-timijiet li aħna nżommu magħhom, iżda mhux bilfors, għax jiena li forsi m’għandix tim partikolari li nżomm miegħu, inkun fejn inkun, eżempju jekk qiegħda l-Italja, naċċerta ruħi li mmur nara xi partita jew San Siro jew forsi Turin, skont fejn tkun.”
Joanna Camilleri
Stqarret ukoll, iżda, li llum il-ġurnata barra li dejjem aktar Maltin u Għawdxin qed jaqtgħu xewqithom u jaħtfu xi biljett għal xi partita futbol, uħud oħrajn issa qed jagħżlu li jsegwu wkoll sport u dixxiplini oħrajn.
“Bla dubju żdiedu mhux biss fl-Italja u l-Ingilterra, għax naf ħafna nies li jmorru għal xi btala bħalissa, fil-Milied, btala tkun fejn tkun mhux biss isegwu l-futbol, iżda naf nies li jmorru jaraw logħbiet oħrajn ta’ dixxiplini oħrajn. Partikolarment il-basketball jew inkella ice hockey. Saħansitra għandi ħbieb tiegħi li bħalissa qegħdin il-Finlandja jaraw logħbiet tal-ice hockey.”
Joanna Camilleri