Tul l-ewwel nofs tas-sena, bejn Jannar u Ġunju, iż-żieda’ ta’ Maltin li għażlu li jsiefru kienet dik ta’15.8%, 240,673. Dan meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2016. Apparti minn hekk l-Maltin għażlu li jdumu aktar fuq btala, b’żieda ta’ ljieli lil’hinn minn Malta tkun ta’ 15.5%, fejn dan laħaq 1.6miljun.
Fit-tieni kwart tas-sena 2017 kienet irreġistrata żieda fil-Maltin li siefru. Żieda li qabżet l-20% u li fissret 125,454 Malti u Maltija aktar li siefru meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena 2016.
Dan skont statistika tal-Ufficju Nazzjonali tal-Istatistika. It-tieni kwart ta’ din is-sena, iż-żieda ġiet innutata fin-numru ta’ Maltin li għażlu li jsiefru lejn pajiżi fl-Unjoni Ewropea u pajiżi mhux fl-UE, fejn l-ammont laħaq il-112,591 u 12,863 rispettivament. L-Italja u r-Renju Unit baqgħu fost l-iktar favoriti fost il-pajjiżi li għażlu li jsiefru fihom il-Maltin fl-Unjoni Ewropea.
Kien hemm ukoll żieda fl-iljieli li saru lil’hinn minn Malta b’żieda ta’ 23.4%, fejn dan laħaq it-total ta’ madwar 913,707 lejl. Il-maġġor parti tal-persuni għażlu li joqgħodu f’akkomodazzjonijiet privati.
In-nefqa totali ta’ Maltin li siefru bejn April u Ġunju żdiedet b’22.9% meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel, bit-total ikun ta’ €108.4 miljun, ekwivalenti għall-medja ta’ €864 kull vjaġġ.