Dawk li kellhom ikunu l-ewwel purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira wara sentejn ta’ pandemija, ma sarux, għaliex il-kundizzjonijiet tat-temp b’riħ qawwi u xita mdendla, wasslu biex kull purċissjoni tradizzjonali bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fit-toroq ta’ pajjiżna, titħassar.
Wara erbgħin jum tar-Randan, il-Knisja Kattolika fakkret il-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
F’jum il-Ġimgħa l-Kbira ma tkun iċċelebrata l-ebda quddies, ħlief għall-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib, li ssir fit-tlieta ta’ waranofsinhar. Din tkun ikkaratterizzata minn ġabra u anki sempliċità, waqt li l-qofol tkun il-figura ta’ Ġesù fuq is-salib.
Dan hekk kif l-altar ikun imneżża’ minn kull armar, bil-qniepen ikunu siekta u l-ewkaristija tinżamm fis-Sepurklu.
Waqt l-Adorazzjoni tas-Salib jinqara r-rakkont tal-passjoni u ssir qima lejn ix-xbieha ta’ Kristu msallab mas-salib.
Il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira huwa wieħed ta’ sawm u astinenza, bi tħejjija għall-ikbar festa tal-Knisja Kattolika, dik tal-Għid il-Kbir.
Il-Ġimgħa l-Kbira għandha għeruq fondi fil-kultura u t-tradizzjoni Maltija, fosthom permezz tal-istatwi li nsibu madwar il-parroċċi fl-ibliet u fl-irħula madwar Malta u Għawdex.
Din is-sena kien hemm stennija kbira wara sentejn ta’ pandemija biex jerġgħu jsiru l-purċissjonijiet. Ftit qabel ma kellha tibda l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Bormla, li eventwalment tħassret u saret biss fuq ġewwa tal-knisja, ONE News żar it-tħejjijiet li kienu għaddejjin minn wara l-kwinti.
Hawnhekk tkellimna ma’ Charles Scerri mill-Kummissjoni Ġimgħa Kbira Bormla, li qal kif huma bosta dawk mill-Kottonera u anki minn madwar Malta li rreġistraw sabiex jieħdu sehem f’din il-purċissjoni.
Qal, “U fil-verità, il-preparamenti ilna għaddejjin avolja kien hawn ċertu inċertezzi għax aħna ma konniex nafu eżattament fil-perjodu ta’ issa kif se tkun is-sitwazzjoni, imma bdejna naħdmu. Għedna għall-inqas insibu l-affarijiet lesti. Bdejna naħdmu minn Jannar, noħorġu l-ħwejjeġ, naraw naturalment x’hemm, insibu n-nies, inkellmu n-nies, in-nies jiġu jsibuna, eċċetra u bil-mod bdejna nibnuha u bil-mod il-mod bdejna ntellgħuha.”
Scerri spjega magħna l-proċess ta’ qabel toħroġ il-purċissjoni tradizzjonali.
Qal, “Naturalment dan li qiegħed tara issa hemm ġranet sħaħ, ġimgħat sħaħ ta’ xogħol. Imma li jiġri fl-aħħar ftit sigħat huwa li jibdew jinġabru n-nies li jieħdu sehem fil-purċissjoni. Ikollok ir-reffiegħa li jkunu diġa ppruvaw il-vari għall-ħabta ta’ nofsinhar, min-nofsinhar sas-1:30pm u hawnhekk jibdew jinġabru l-personaġġi li se jiffurmaw il-purċissjoni fil-verita u jibdew ibiddlu naturalment, it-tfal, l-irġiel, in-nisa. Imbagħad nibdew inpoġġuhom fil-knisja, kulħadd jaf liema pożizzjoni jrid joqgħod u nibdew ħerġin bil-mod.”
B’diżappunt kbir, il-purċissjonijiet madwar Malta u Għawdex tħassru hekk kif kien previst li kellha tagħmel ix-xita u minħabba r-riħ qawwi li jista’ jwassal għal ħsara fl-istatwi u anki jkun ta’ periklu għan-nies li jattendu fit-toroq.
Dan wassal biex l-istatwi kollha tal-Ġimgħa l-Kbira madwar pajjiżna baqgħu fil-knejjes.
F’Bormla saret purċissjoni fil-Knisja bin-nies li kienu lebsin ta’ personaġġi fil-Bibbja.
Minkejja d-diżappunt ta’ bosta dilettanti, issa t-tama hija li t-temp jippermetti nhar il-Ħadd li ġej, biex toħroġ l-istatwa tal-Irxoxt u jiġi ċċelebrat il-qawmiet mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.