ONE News jinsab infurmat, minn sorsi fil-qalba tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li waqt l-aħħar laqgħa tal-Grupp Parlamentari, l-Erbgha li għadda, il-Kap de facto Nazzjonalista Karol Aquilina, kellu argument jaħraq ma’ wħud mid-deputati Nazzjonalisti.
ONE News jinsab infurmat li mument minnhom, Aquilina qal li “hemm deputati Nazzjonalisti li għandhom insurance mal-Labour.” Jirriżulta li Aquilina għamel din id-dikjarazzjoni insensata wara li informazzjoni mill-qalba tal-Partit Nazzjonalista qed tispicca fil-midja inkluż dik tal-Partit Laburista.
Quddiem din id-dikjarazzjoni ta’ Aquilina, qam u kkonfrontah l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia biex ikun ċar fi kliemu, bir-risposta ta’ Aquilina, skont is-sorsi tagħna tkun li “se jikxef u jibqa’ għaddej minn fuqhom”, b’referenza għad-‘deputati’ li xorta baqa’ ma semmiex isimhom, minkejja l-allegazzjoni tiegħu.
L-istess sorsi komplew jgħidu li Aquilina mbagħad qal “aħjar il-partit jara min minnhom jaħdem mal-Gvern u ma jmurx għax-xogħol.” L-unika deputati li komplew ma’ Aquilina kien hemm biss id-deputati tal-establishment Beppe Fenech Adami u Mario de Marco.
ONE News kien diġà żvela kif numru ta’ deputati huma mdejqin bl-atteġġjament arroganti ta’ Aquilina, speċjalment fil-Parlament u kif dan għamel pressjoni enormi biex, quddiem mozzjoni mressqa mill-Grupp Parlamentari Laburista, li tiddepplora l-attakki tiegħu fuq l-Ispeaker Anglu Farrugia, ħadd mid-deputati ma jazzarda jivvota kontra tiegħu.
Tant li d-deputati Nazzjonalisti, minflok iddibattew il-mozzjoni, telqu ‘l barra mill-Parlament.
ONE News infurmat kif fil-Partit Nazzjonalista “Karol għandu saħħa kbira u jagħmel li jrid, tant li Bernard Grech bla saħħa quddiemu.”
Issa jidher li l-leaks mill-qalba tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qed jurtaw bil-kbir lil Aquilina u qed jipprova jixli lil sħabu stess billi jagħmel allegazzjonijiet fil-konfront taghhom.