Komplew il-laqgħat u d-diskussjonijiet bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda biex ikunu jistgħu jkabbru l-koperazzjoni ekonomika tagħhom.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu laqgħa importanti mal-Ministru għall-Ekonomija Abdullah bin Touq Al Marri li matula kien hemm qbil reċiproku dwar ħidma sabiex tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ aktar investimenti fl-industrija tas-servizzi u anke t-tisħiħ tal-ftehimiet fis-settur tal-avjazzjoni u l-konnettività, dan bil-għan li tkompli titkattar il-koperazzjoni ekonomika bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Malti kellu wkoll laqgħa importanti sabiex jiġu identifikati oqsma ġodda ta’ investiment bejn Malta u Ras Al Khaimah, li huwa wieħed mis-seba’ Emirati li jiffurmaw l-UAE.
Il-Ministru Borg stqarr li dan l-Emirat huwa wieħed b’potenzjal ta’ żvilupp qawwi fis-snin li ġejjin.
Waqt laqgħa li kellu mal-Mexxej ta’ Ras Al Khaimah, ix-Sheikh Saud Bin Saqr Al Qasimi, ġie diskuss dan il-potenzjal u anke oqsma ta’ koperazzjoni fejn Malta tista’ tagħti kontribut għall-viżjoni u l-iżvilupp ta’ dan is-settur b’mod partikolari fl-industrija tas-servizzi.
Il-Ministru Borg kellu laqgħa wkoll ma’ Ahmed Ali Al Sayegh, il-Ministru tal-Istat fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-UAE.
Matul din il-laqgħa b’mod partikolari komplew jiġu diskussi aktar fid-dettall kif jistgħu jkomplu jiġu msaħħa r-relazzjonijiet bilaterali tajbin li diġà jeżistu.
Id-delegazzjoni Maltija kellha żjara wkoll f’Masdar City, li hija ċentru tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll laqgħa mal-grupp Damac. Il-Ministru Borg żar ukoll l-Abrahamic Family House, fejn fl-istess sit wieħed isib Knisja Kattolika, Sinagoga u anke Moskea. Proġett li jissimbolizza u jkattar l-importanza tat-tolleranza.
Il-Ministru kien akkumpanjat, fost l-oħrajn, mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Emirati Għarab Magħquda, Maria Camilleri Calleja.