L-2023 ġabet magħha bidla fl-immaniġġjar tal-ġbir u l-ġarr tal-iskart. Dan qed iwassal biex issa l-iskart qed jinġabar, skont skeda bil-ġranet, l-istess għal Malta u Għawdex kollha.
Ma’ ONE News, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, stqarr kemm hu importanti li l-poplu jkompli jirriċikla u jimxi mal-iskeda tal-ħruġ tal-iskart, u joħroġ il-borża skont il-ġurnata abbinata magħha.
“Kruċjali. Apparti l-ambjent, anki l-pjan tal-Gvern. Il-politika tal-Gvern hi li mmorru ‘waste to energy’. Allura biex isir dan, għandna bżonn li jinġabar kemm jista jkun skart organiku, biex dan jinbidel f’biogas li eventwalment iwassal biex jinbidel f’enerġija. Dan ħa jkun qed ifisser li ħa jkollna enerġija ġġenerata minn sorsi ndaf, hawnhekk qed nitkellmu mill-iskart u allura jitġpoġġa fuq il-grid nazzjonali. Bħala pajjiż, se jkun qed jgħin dan, biex jintlaħqu l-miri fejn tidħol ir-riġenerazzjoni ta’enerġija rinovabbli.”
Bħalissa għaddejja kampanja ta’ informazzjoni, ħalli l-pubbliku jkompli jkun infurmat dwar din l-iskeda l-ġdida ta’ ġbir. Fava qalilna li huwa mportanti li l-iskart irid joħroġ skont il-ġurnata kif skedat jiġifieri t-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa irid jinħareġ l-iskart Organiku biss, jiġifieri l-borża bajda, l-iskart imħallat fil-borża s-sewda irid jinħareġ biss it-Tlieta u s-Sibt filwaqt li l-Ħamis wieħed għandu joħroġ il-borża griża jew ħadra bl-iskart riċiklat.
Il-ġbir tal-fliexken tal-ħġieġ se jkun qed isir kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar, u t-tielet Ġimgħa tax-xahar.
Lil Mario Fava tlabnih jiġġustifika lmenti li dan l-iskart separat jitħallat.
“Mhux daqstant, għaliex il-Wasteserv hija l-entità illi fiha fi ħdanha jidħol, tagħmel spezzjonijiet fuq l-iscammel fuq kull trakk, li jidħol fil-faċilitajiet tagħha. Barra dan, f’dawn l-aħħar jiem, in-nies qed jaraw forsi trakkijiet tal-Cleansing, illi qegħdin jiġbru kull tip ta’ skart, li jista jitħalla hemmhekk, għaliex tkun ħarġet fil-ġurnata l-ħażina, pero l-proċess, imbgħad minn hemm hekk hu, illi l-Cleansing Department innifsu, jiġifieri d-Direttorat tat-tindif, qabel ma jdaħħal dan l-iskart il-Wasteserv, fil-faċiltajiet tiegħu jissepara dan l-iskart, imbgħad jidħol il-Wasteserv, xorta waħda separat, jiġifieri le mhux il-każ illi n-nies jisseparaw u imbgħad forsi l-istream tal-waste qed twassal biex ikun hemm taħlit.”
Tkellimna mas-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, fejn kompliet timrah dwar il-vantaġġi tal-iskema l-ġdida tal-ġbir tal-iskart.
“Għall-ewwel darba f’pajjiżna, għandna skeda waħda nazzjonali jiġifieri il-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex, qegħdin jiġbru l-istess kulur ta’ borża fil-ġranet apposta għalihom. Dan ifisser li l-kuntratturi qed jagħmlu inqas vjaġġi għaliex għandhom borża waħda kuljum x’jiġbru u allura anqas emmisjonijiet, inqas traffiku fit-toroq tagħna u qegħdin nippromwovu aktar riċiklaġġ, in-nies jisseparaw l-iskart skont il-ġurnata meta jmissha.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif wara tliet snin ta’ konsultazzjoni u wara diversi diskussjonijiet mal-Kummisjoni Ewropea, il-ġbir u l-ġarr tal-iskart kollu qed isir fuq bażi Reġjonali. Hija wkollappellat għall-aktar kooperazzjoni mill-pubbliku inġenerali.
“Għalkemm wieħed jaħseb li hija faċli sabiex ikun hemm koperazzjoni waħda sħiħa mingħand kulħadd, irridu l-koperazzjoni wkoll mir-residenti tagħna, u l-pubbliku hemm barra, għaldaqstant inħeġġiġkom sabiex tistudjaw l-iskeda, liema borża għandkom toħorġu kuljum ħalli din ir-realta ġdida, din l-iskeda ġdida ħalli tindera malajr kemm jista jkun, u kulħadd jerġa’ jidħol f’rutina u jkollna ambjent aktar nadif, lokalitajiet aktar sbieħ.”