Wara d-deċiżjoni mill-Kunsill preċedenti tal-Mosta biex jagħmel il-pjazza ewlenija tal-lokal pedonali fi tmiem il-ġimgħa, aktar kunsilli mmexxijin minn maġġoranza Laburista qed jieħdu l-inizjativa li jkollhom żoni parzjalment ħielsa mit-traffiku f’ċerti ħinijiet u ġranet.
Il-Kunsill f’Ta’ Xbiex kien l-aħħar wieħed li qed jieħu dan il-pass pożittiv favur aktar spazji li jkunu jistgħu jitgawdew bla periklu mir-residenti u dawk li jżuru l-lokal.
Fl-aħħar jiem ukoll tħabbar mis-Sindku Żabbari Jorge Grech li ressaq mozzjoni biex il-venda l-antika u Pjazza Ġużeppi Pace ma jkunux aċċessibbli għall-vetturi nhar ta’ Sibt, minn waranofsinhar sa filgħaxija.
Bil-maqlub, fil-Mosta, il-Kunsill il-ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista jrid jarmi d-deċiżjoni li l-pjazza ewlenija fil-lokal tkun aċċessibbli biss għan-nies mis-Sibt filgħaxija sal-Ħadd il-ġurnata kollha.
Hawnhekk, riżoluzzjoni mressqa mis-Sindku Joe Gatt biex tiġi jirriversja d-deċiżjoni tal-Kunsill Laburista wara li tlesta t-tisbiħ tal-pjazza fl-aħħar xhur, intlaqgħet bi kritika minn numru ta’ NGOs u anke l-Kamra tal-Periti. Dawn iddeskrivew dak li jrid il-Partit Nazzjonalista fil-Mosta bħala mossa rigressiva.
Issa s-Sindku f’Ta’ Xbiex Max Zammit ħabbar li l-lokal, li jmexxi, se jibda bl-esperiment li jirrestrinġi t-traffiku f’parti mdaqqsa mix-xatt u jagħmilha pedonali fi tmiem il-ġimgħa għal ħames ġimgħat dan is-sajf.
Iż-żona pedonali se tkun estiża mill-klabb tal-waterpolo f’Ta’ Xbiex sar-Royal Malta Yacht Club, bit-traffiku u t-trasport pubbliku jiġi devjat għal Triq ir-Rampa.
Din il-parti se tkun disponibbli għall-mixi jew l-użu tar-roti s-Sibtijiet u l-Ħdud bejn l-4:00 ta’ waranofsinhar u l-10:00 ta’ filgħaxija llum u għada, kif ukoll fis-17 u t-18 t’Awwissu, fil-31 t’Awwissu u l-1 ta’ Settembru, mit-12 sal-15 ta’ Settembru u fit-28 u d-29 ta’ Settembru.
Waqt li qal li Ta’ Xbiex hu nieqes mill-ispazji miftuħa, peress li anke l-art kollha li ma tintużax hi tal-privat, Zammit qal li dan il-proġett ta’ żona pedonali ilu mixtieq żmien twil u hu “ħolma mwettqa”.
Fil-jiem imsemmija, il-Kunsill u anke xi ħwienet kummerċjali se jipprovdu diversi attivitajiet u divertiment fiż-żona pedonali.