Waqt il-pandemija aktar kumpaniji lokali investew fit-teknoloġija diġitali sabiex ikunu aktar kompettitivi.
Dan ħareġ fi stħarriġ li għamlet l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni li sar bejn aktar minn erba’ mija u tletin negozju bejn Diċembru u Jannar li għadda.
F’dan l-istħarriġ ħareġ kif il-kumpaniji kollha kemm huma jużaw l-internet sabiex iwettqu l-ħidma tagħhom.
Ħareġ kif il-kumpaniji jużaw l-internet l-iżjed sabiex jibgħatu u jirċievu l-emails, l-internet banking u sabiex jagħmlu r-reklami online,
F’dan l-istħarriġ ħareġ kif minn dawn il-kumpaniji kien hemm aktar minn sittin fil-mija li għandhom is-sit elettroniku tagħhom.
Il-kumpaniji qalu kif huma jinvestu f’sit elettroniku sabiex ikabbru isem il-kumpanija, jipprovdu l-informazzjoni tal-kumpanija u jippromovu s-servizzi tagħhom.
F’dan l-istħarriġ ħareġ kif il-kumpaniji jużaw l-aktar il-midja soċjali sabiex jirreklamaw, hekk kif dan jintuża minn sitta u sebgħin fil-mija tal-kumpaniji.
Ħareġ kif tlieta u disgħin fil-mija tal-kumpaniji qalu li l-investiment fit-teknoloġija diġitali huwa xi ħaġa pożittiva.
Il-fatturi ewlenin għal dan wassal għal żieda fid-dħul tagħhom u l-esperjenza mal-klijent kienet aħjar.