AIS Technology hija kumpanija li ilha topera f’pajjiżna għal numru ta’ snin, u ħolqot l-ewwel palm readers fis-suq Malti.
Din il-kumpanija baqgħet tevolvi, tant li llum toffri soluzzjonijiet teknoloġiċi f’diversi oqsma għall-klijenti minn setturi differenti, fosthom tas-saħħa, tal-manifattura u tal-edukazzjoni.
Ħarset il-kumpanija tul l-aħħar snin, daret lejn l-intelliġenza artifiċjali u l-internet of things. Qed toħloq ukoll għodod għal enerġija aktar effiċjenti għar-residenzi f’Malta.
Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija, qal li din il-kumpanija tħaddem 30 ruħ, li ħafna minnhom huma frott is-sistema edukattiva Maltija.
Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jgħin lill-kumpaniji jsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Huwa negozju li jopera fil-qasam teknoloġiku u li dejjem aġġusta maż-żminijiet. Kien negozju wkoll li ra l-opportunitajiet fejn qegħdin, li timxi wkoll paripassu mal-ħidma ta’ dan il-Gvern, li qegħdin, speċjalment fil-qasam teknoloġiku, u anke fejn jidħlu skemi ġodda, fosthom fejn jidħol il-qasam tal-intelliġenza artifiċjali, il-qasam tal-IOT, il-qasam ta’ Big Data, u data analysis, rajna li l-kumpanija tidħol f’setturi ġodda, tara opportunitajiet ġodda u tibda tikber.”
Silvio Schmebri – Ministru
L-Inġinier Darryl Schembri, li huwa l-General Manager tal-kumpanija, qal li s-sigriet tas-suċċess huwa li l-kumpanija baqgħet tevolvi.
Il-viżjoni tal-kumpanija hi li issa tmur lil hinn minn xtutna, biex tesporta dawn is-soluzzjonijiet teknoloġiċi.
“Il-viżjoni tagħna hija li nkomplu nikbru, nixtiequ nikbru barra minn Malta, nixtiequ nieħdu l-esperjenza li aħna ġbarna tul dawn is-snin kollha, li qiegħda fin-nies tagħna, qiegħda fl-apparat li aħna nipprovdu, nixtiequ noħduha barra, biex noffru soluzzjonijiet li nafu li jaħdmu Malta, u nipprovduhom fi swieq akbar.”
Darryl Schembri – General Manager AIS