B’investiment ta’ miljun ewro ġie inawgurat proġett ta’ aktar minn tlett elef panella, li jiġġeneraw l-enerġija mix-xemx.
Dan l-investiment sar mill-kumpanija privata Powerezi, sussidjarja tal-Grupp Vassallo, u ġie inawgurat mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.
Il-proġett sar fuq art li kienet tintuża għal sit tal-konkrit, u issa b’dawn il-panelli qed ikun iġġenerat elettriku għal ħames mija u sebgħin residenza.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Vassallo qal kif dan il-proġett qed isir fil-ħamsa u sebgħin anniversarju mit-twaqqif tal-kumpanija.
Qal, “Bit-tlestija ta’ dan il-proġett ta’ 3.1 mega watt, il-grupp tagħna qed iżid il-produzzjoni tiegħu ta’ enerġija nadifa għal 2.3 mega watt. Dan qed ikompli l-impenn tagħna favur l-ambjent, l-ambjent li tant għandna għal qalbna.”
Iċ-Chairman ta’ Powerezi qal kif dan l-investiment se jgħin lill-ambjent.
Spega, “3,000 panella tax-xemx illi ħa jiġġeneraw biżżejjed enerġija biex tissupplixxi aktar min 600 familja. Dan il-proġett għalina huwa proġett, li ħadna gost nagħmluh, imma mhux talli ħadna gost nagħmluh qegħdin ukoll nikkontribwixxu lejn l-ambjent.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif din hija t-triq ‘il quddiem għal pajjiżna u d-diversifikazzjoni fin-negozju hija kruċjali.
Qalet, “Din hija t-triq li pajjiżna qiegħed jieħu u aħna bħala Gvern kommessi li nibqgħu nagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ biex naslu u nilħqu l-miri tagħna, fejn nassiguraw il-kompettività tal-kumpaniji tagħna, imma fl-istess ħin naraw li nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna.”