Minn għada t-Tnejn, 1 ta’ Ottubru, 2018, aktar minn 1,400 persuna rreġistrati bħala milqutin mill-marda magħrufa bħala coeliac u li kawża tagħha ma jistgħux jikkunsmaw prodotti li jkun fihom il-gluten, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn miżura amministrattiva fejn jirrigwarda ġbir ta’ kupuni li jinbidlu ma’ prodotti ħielsa mill-gluten.
Il-persuni konċernati jibbenefikaw minn skema tal-Ministeru tas-Saħħa u amministrata mid-Dipartiment Spiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) li permezz tagħha jingħataw kupuni kull xahar għal valur li jvarja minn €45 sa €50. Dawn il-kupuni jintużaw biex jinbidlu ma’ prodotti li ma jkunx fihom gluten. Il-lista ta’ prodotti offruti ġiet kompilata bejn il-POYC u l-Assoċjazzjoni Coeliac.
Sal-bidu ta’ dan ix-xahar dawn il-kupuni kienu jitwasslu kull xahar għand il-Kunsilli Lokali mxerrdin ma’ Malta u Għawdex biex imbagħad jinġabru mill-benefiċjarji. Din is-sistema issa twaqqfet u minn għada l-benefiċjarji ta’ din l-iskema se jkunu qegħdin jirċievu l-kupuni intitolati għalihom id-dar bil-posta reġistrata u flok kupuni kull xahar se jirċievu kupuni għal tliet xhur. “Permezz ta’ din il-miżura amministrattiva, filwaqt li qegħdin noffru mod aktar komdu għall-benefiċjarju tal-iskema billi niffrankawlu li kull xahar irid joqgħod imur jiġbor il-kupuni mill-Kunsill Lokali tiegħu, se jkun qed jiġi ffrankat ħafna xogħol lid-Dipartiment tal-POYC u lill-Kunsilli Lokali,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta mitlub jikkummenta dwar din il-miżura amministrattiva.
Fil-fatt jirriżulta li t-tqassim tal-kupuni lill-Kunsilli Lokali kien qed jiswa lid-Dipartiment tal-POYC 816 vjaġġ kull xahar filwaqt li l-Kunsilli Lokali bejniethom kienu jagħmlu 1,411 transazzjoni kull xahar. Statistika uffiċjali turi li n-numru ta’ persuni li jibbenefikaw minn din l-iskema bħalissa jammonta għal 1,411. Is-sena li għaddiet din iċ-ċifra kienet taqra 1,317, li hija 76 aktar milli kienet fl-2016 meta kien hemm 1,291 benefiċjarju. Fis-sena 2015 in-numru ta’ benefiċjarji kien ta’ 1,237.
Konsegwentament ikun hemm ukoll varjazzjoni fl-ispiża tal-iskema. Filwaqt li fis-sena 2016 l-ispiża kienet tammonta għal ftit inqas minn €692,000 din telgħet għal aktar minn €731,000 is-sena li għaddiet. Sal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-ispiża kienet tammonta għal ftit inqas minn €382,000.