Minkejja li għaddew kważi ġimagħtejn mindu l-Partit Nazzjonalista ħareġ bil-proposti tiegħu dwar is-suq tal-elettriku f’pajjiżna, b’tentattiv biex bħas-soltu jirkeb fuq kummenti fuq il-midja soċjali biex jiskorja punti politiċi, il-kritika kontra baqgħet ma qatgħet xejn.
Fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, il-gazzetta MaltaToday ippubblikat l-opinjoni indipendenti regolari ta’ Raphael Vassallo li wkoll żied sehemu fil-kritika ġustifikata għall-proposta Nazzjonalista li jrid iħalli s-suq isuq fid-distribuzzjoni tal-enerġija.
Fl-artiklu tiegħu, intitolat ‘Liberalisation leads to lower prices. Really? Since when?’, Vassallo jixħet dawl fuq il-fatt li mhuwiex minnu li bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista l-prezzijiet tal-enerġija f’pajjiżna jorħsu. Bħal Vassallo, għamlu bosta oħrajn fl-aħħar jiem mindu l-PN ħabbar din il-ġenjalità tiegħu, li għolliet il-prezzijiet kull fejn twettqet fl-Unjoni Ewropea.
Vassallo qal li ma jistax jifhem kif Bernard Grech jista’ jibqa jsostni li l-liberalizzazzjoni tal-enerġija mhux se tirriżulta f’żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, meta kulħadd jaf li din il-proposta kellha l-istess effett fil-passat.
Vassallo qal dan hekk kif irrimarka numru ta’ eżempji fejn il-proċess ta’ liberalizzazzjoni wassal għal kontijiet ogħla fuq il-konsumaturi, partikolarment fir-Renju Unit u pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, li adottaw il-kunċett ta’ liberalizzazzjoni.
Fil-fatt, fid-dawl ta’ dawn l-eżempji, l-opinjonista indipendenti qal ukoll li għandu jidher ċar li l-liberalizzazzjoni tal-enerġija li ppropona l-PN mhux vera twassal għal aktar għażla fix-xiri tad-dawl jew aktar u aktar prezzijiet tad-dawl irħas.
Dan hekk kif il-liberalizzazzjoni tas-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija, b’xi mod, irnexxielu jkollha l-effett oppost fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Vassallo temm jgħid li għandu dubju jekk Bernard Grech, Mark Anthony Sammut u xi ħadd ieħor fil-Partit Nazzjonalista qatt ħares lejn il-konsegwenzi ta’ dan il-proċess f’pajjiżi oħrajn, għax kieku għamlu dan żgur kienu jindunaw li hemm mudell ħażin li jirrepeti ruħu f’kull pajjiż li pprovaw din il-liberalizzazzjoni.
Fil-ħarġa tagħha, il-gazzetta KullĦadd ukoll ippubblikat studji minn istituzzjonijiet internazzjonali li wkoll urew bil-fatti kif kull fejn kien hemm liberalizzazzjoni tas-suq, il-familji u n-negozji ma gawdew mill-ebda roħs fil-prezzijiet.
Anzi deċiżjonijiet simili dejjem wasslu għal piżijiet kbar b’żieda fil-kontijiet tad-distribuzzjoni.